Qorti
Żewġt irġiel il-Qorti wara li taw fastidju u ħolqu biża’ f’Għawdex

Żewġt irġiel; wieħed ta’ 50 sena mix-Xewkija, Għawdex u l-ieħor ta’ 18-il sena mix-Xagħra tressqu l-Qorti akkużati li ġewwa x-Xewkija u f’diversi postijiet oħra ġewwa l-gżira ta’ Għawdex taw fastidju, ħolqu biża’ u heddu lil tliet persuni oħra. Huma ġew akkużati wkoll li kisru il-bon ordni.

Ir-raġel ta’ 50 sena ġie akkużat ukoll li nhar it-18 t’Awwissu għall-ħabta tal-ħdax ta’ filgħaxija waqt li kien qiegħed fi Triq l-Imġarr, ix-Xewkija u f’diversi toroq oħra fl-istess lokalità, saq vettura b’manjiera traskurata, bla kont u perikoluża. Huwa ġie akkużat ukoll talli fl-istess data u ħin, waqt li kien fi Triq ir-Repubblika r-Rabat, Għawdex, ikkaġuna ġrieħi ta’ natura ħafifa lil persuna oħra.

L-imputati wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba fil-konfront tagħhom u ngħataw il-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Bernard Charles Spiteri.