Qorti
Żewġt irġiel jinżammu arrestati wara li nqabdu bid-droga

Żewġt irġiel baqgħu arrestati wara sejba ta’ madwar 1.5kg kokaina u 11.5kg pjanta tal-kannabis. L-akkużati Tomislav Hegedus ta’ 27 sena mill-Mosta u raġel ta’ 33 sena mill-Ħamrun li ismu ma jistax jixxandar b’ordni tal-qorti, dehru separatament quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli.

L-Ispettur Kevin Pulis qal li l-pulizija wasslet għall-arrest wara jiem ta’ osservazzjoni. Fl-operazzjoni kienet involuta l-iskwadra ta’ kontra l-vizzju tad-droga li waqqfet lill-akkużat ta’ 33 sena mill-Ħamrun waqt li kien qed isuq fil-Fgura. Fi tfittxija fil-karozza nstabu l-kapsoli mimlija droga kokaina, li kienu lesti biex jitqassmu.

Fi tfittixja oħra fil-garaxx tal-istess akkużat fil-Ħamrun instabu diversi pakketti, b’madwar 11.5kg pjanta tal-kannabis. Il-Prosekuzzjoni qed tixli lill-akkużat l-ieħor, Tomislav Hegedus li huwa l-bniedem li kien qed jikkordina t-traffikar tad-droga.

L-ispettur Pulis qal li jkun prematur li l-akkużati jingħataw il-ħelsien mill-arrest għax il-pulizija għadha qed taħdem biex issolvi l-każ kollu.

Ara wkoll:

Jinqabad b’1.5kg kokaina u 11.5kg kannabis- arrestati żewġt irġiel