Kronaka
Żewġt irġiel midruba fi ġlieda bis-skieken f’Raħal Ġdid

Żewġt irġiel darbu lil xulxin fi ġlieda f’Raħal Ġdid dal-lejl.

Il-Pulizija qalet li kienu għall-ħabta tal-10.30pm x’ħin fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid daħal Somalu ta’ 30 sena u rrapporta li ftit ħin qabel, waqt li kien f’residenza fi Triq tal-Borġ, kellu argument ma’ raġel ieħor.

Il-Pulizija marret fuq il-post u mill-ewwel investigazzjoni rriżulta li r-raġel kellu argument ma’ Somalu ieħor ta’ 26 sena. Waqt dan l-argument, allegatament, intużaw armi li jaqtgħu u bil-ponta.

Minħabba li ż-żewġt irġiel weġġgħu, il-Pulizija talbet għall-assistenza medika u ttieħdu l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Aktar tard, is-Somalu ta’ 26 sena ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi filwaqt li l-ieħor sofra ġrieħi ta’ natura ħafifa.

Il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet fuq il-każ.