Żewġt itfal minn kull klassi f’pajjiżna jispiċċaw vittmi tal-bullying

20% tat-tfal li jgħixu f’pajjiżna jgħidu li xi darba jew oħra spiċċaw vittmi tal-bullying. Din il-pjaga soċjali li għandha riperkussjonijiet b’saħħithom fuq is-saħħa tal-bniedem, speċjalment dik mentali, donna ma tista’ tiġi kkontrollata b’xejn. ‘Popolin’ stħarreġ dan is-suġġett biex nifhmu aħjar xi jwassal għal dan l-aġir kemm fid-dinja tat-tfal kif ukoll f’dik tal-adulti.

Tkellimna ma’ Dr. Aaron Zammit Apap, fundatur u segretarju ġenerali tal-għaqda BBrave. Huwa tenna li l-bullying jinsab f’kull saff tas-soċjetà. Ħafna mid-drabi insibu żbilanċ fil-poter u għalhekk persuna tagħżel li tapprofitta ruħha minn dan il-fatt. Spjega li kull forma ta’ abbuż ripetut jista’ jkun ikkunsidrat bħala bullying. Tenna li minkejja qed isiru ħafna sforzi biex dan l-aġir jieqaf jew almenu jonqos, jidher li qiegħed jgħolli rasu kemm fl-iskejjel fost it-tfal, kif ukoll fuq il-postijiet tax-xogħol fost l-adulti. Żied jgħid liċ-ċajt personali b’mod ripetut li jsir fil-konfront ta’ diversi persuni speċjalment fuq il-midja soċjali jew mezzi moderni ta’ komunikazzjoni wkoll huma forma ta’ bullying li qegħdin iħallu impatt negattiv fuq il-ħajja ta’ diversi persuni; “dak li qabel kien isir b’mod fiżiku, issa qiegħed isir online”. Spjega li fil-verità l-bullying online żied fil-gravità ta’ dan l-aġir għaliex il-bully għandu l-possibilità li jinħeba wara skrin għalhekk iżid fl-insolenti u t-tgħajjir filwaqt li b’għafsa ta’ buttuna jirnexxielu jilħaq eluf ta’ nies.

Żammit Apap tenna li f’Novembru li għadda saret attività nazzjonali ta’ ġimgħa bil-għan li jiżdied l-għarfien kontra l-bullying. Din is-sena saret online u kienet iffokata wkoll fuq il-bullying fost l-adulti. Tenna li l-attività ħolqot rispons kbir minn fost il-pubbliku, biss l-iktar fatt li xxukkjhom bħala għaqda kontra l-bullying kien l-element kbir ta’ ħsieb għas-suwiċidju li jeżisti proprju minħabba dan l-aġir. Fil-fatt waqt l-attività ġew avviċinati minn ħames persuni; 3 adulti u 2 itfal li kellhom il-ħsieb li jtemmu ħajjithom.

Mistoqsi mill-preżentatur x’inhuma eżempji konkreti ta’ bullying fuq il-post tax-xogħol fost l-adulti Zammit Apap spjega li meta jkollok żewġ impjegati li qegħdin jagħmlu l-istess kwalità ta’ xogħol biss wieħed jiġi mfaħħar u l-ieħor jiġi trattat ħażin, dak ikun forma ta’ bullying li jwassal jwassal għal stress, ansjeta u anke d-dipressjoni għaliex il-persuna tħossha li tagħmel x’tagħmel qatt ma hu biżżejjed. Eżempju ieħor hu l-esklużjoni, fejn jiġri x’jiġri fuq il-post tax-xogħol, il-vittma jitħalla barra.

Skond Dr. Zammit Apap sabiex nindirizzaw dan l-aġir negattiv u inuman irridu nkomplu ninvestu fl-edukazzjoni kontra l-bullying kif ukoll inżidu l-infurzar fl-iskejjel u fuq il-postijiet tax-xogħol.