Lokali
Żgħażagħ b’diżabilità jagħmlu l-almu tagħhom biex iservu lill-klijenti bi tbissima

10 żgħażagħ b’diżabilità servew bi tbissima lil bosta persuni f’ristorant. Il-Malta Down Syndrome Association organizzat din l-attività f’Popeye Village bil-għan li tkompli tqanqal lil persuni bid-down syndrome biex isiru aktar midħla tad-dinja tax-xogħol.

“I’m happy in here!”

“Happy iva happy…xogħol, xogħol, xogħol!”

Giulia Bonnici u Essin Mifsud kienu fost 10 żgħażagħ li taw il-ħajja lil Popeye Village billi servew lil bosta persuni f’ristorant. Żgħażagħ, li huma membri tal-Friendship Circle fi ħdan il-Malta Down Syndrome Association.

Minkejja li għandhom id-down syndrome, 3 tfajliet u 7 ġuvintur qdew lin-nies b’ħeġġa liema bħalha u bi tbissima li tikkaratterizzahom.

“Naqra kafè, naqra te, naqra cookie.”

Is-segretarja tal-Assoċjazzjoni, Marija Laura Mifsud spjegatilna li din hija l-ewwel attività li l-Malta Down Syndrome Association għamlet għall-pubbliku. Inizjattiva, li saret grazzi għal fondi mill-Aġenzija Żgħażagħ.

Il-President tal-Assoċjazzjoni, Joeanna Xerri stqarret ma’ Television Malta li din l-attività kienet ix-xoqqa f’moxtha biex għal darb’oħra jasal il-messaġġ li ħadd m’għandu jiġi eskluż minħabba diżabilità.

“Nixtiequ li b’dan il-proġett aktar employers jagħrfu lill-membri tagħna għalkemm għandhom nuqqas intellettwali għandhom ħafna abilitajiet u jekk nagħrfu l-abilitajiet tagħhom jistgħu jaħdmu bħal kull wieħed u waħda minna.”

Preżenti wkoll il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja, Julia Farrugia Portelli li fissret l-importanza ta’ attivitajiet bħal dawn li jagħtu spinta lil persuni bid-down syndrome biex jitgħallmu jfendu għal rashom bla xkiel.

“Dan huwa showcase ta’ kif aħna persuni b’diżabilità jkollhom il-kunċett ta’ inklużjoni fil-ħajja ta’ kuljum, ix-xogħol kemm huwa importanti.”