Ekonomija u Finanzi
Żieda fil-persuni jirreġistraw għax-xogħol minn meta feġġ l-ewwel każ tal-COVID-19

Fl-ewwel xahar minn meta feġġ l-ewwel każ ta’ Covid 19 f’Malta diġà kien hemm żieda fil-persuni jirreġistraw għax-xogħol. Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li għall-ewwel darba fl-aħħar xhur kien hemm żieda notevoli fil-persuni li bdew jirreġisraw għax-xogħol ma’ Jobsplus. Iċ-ċifri juru li sal-aħħar ta’ Marzu, kien hemm 2,125 persuna jffitxu x-xogħol, żieda ta’ kważi 20% meta mqabbel ma’ Marzu tas-sena l-oħra.

Mir-rekords amministrattivi ta’ Jobsplus jirriżulta li l-persuni jirreġistraw fiż-żewġ partijiet tar-reġistru żdiedu bit-353. L-NSO qal li ż-żieda fil-qgħad kienet mifruxa fl-etajiet kollha. Miċ-ċifra joħroġ li kien hemm anke żieda ta’ 20 persuna b’diżabiltà li bdew jirreġistraw għax-xogħol biex issa hemm 239 persuna b’diżabiltà li qed ifittxu x-xogħol.

B’kuntrast, statistika dwar l-impjiegi maħruġa mill-Eurostat għas-sena li għaddiet, turi li Malta kienet fost il-pajjiżi li sas-sena li għaddiet kienet qabżet il-miri għall-impjiegi stabiliti mill-Unjoni Ewopea għal din is-sena. Iċ-ċifri tal-Eurostat juru Malta b’1.7 punti perċentwali kellha t-tielet l-ogħla żieda fl-impjiegi s-sena li għaddiet.

L-istatistika tal-Eurostat, turi wkoll li Malta u l-Greċja għandhom bl-ogħla rata ta’ nisa li mhumiex fid-dinja tax-xogħol meta mqabbla mal-ħaddiema rġiel.

Intant iż-żieda fil-qgħad f’Marzu waslet għal botta u risposta bejn l-Oppożizzjoni u l-Gvern. Il-Partit Nazzjonalista qalet fi stqarrija li l-politika ta’ selettività li addotta l-Gvern dwar min jieħu l-assistenza tal-wage supplement sħiħ qed twassal biex jintilfu mijiet ta’ impjiegi fi ftit jiem minn mindu faqgħet il-kriżi tal-COVID-19.

Il-Partit Nazzjonalista qal li se jibqa’ jinsisti li f’din il-kriżi jkun hemm konverġenza nazzjonali fuq kif l-ekonomija se tindirizza din il-kriżi biex jiġu salvagwardjati l-impjiegi.

Il-Gvern wieġeb fi stqarrija li l-Oppożizzjoni li moħħha biss kif se tipprova tikseb xi punt politiku. Semm’a l-pakkett ekonomiku li l-Gvern nieda għall-ekonomija li bih tlett kumpaniji internazzjonali taw tbassir stabbli għall-ekonomija Maltija.

Fakkar li fl-aħħar xahar ta’ Gvern Nazzjonalista l-persuni jirreġistraw għax-xogħol kienu aktar minn sebat elef. Żied jgħid li fi kriżi ekonomika iżgħar tal-2009, taħt Gvern Nazzjonalista, f’xahar wieħed tilfu l-impjieg aktar minn 600 ħaddiem u għal kull persuna li tilfet ix-xogħol f’Marzu, kien hemm tlieta li tilfu l-impjieg f’Jannar tal-2009.