Televiżjoni u Radju
Żieda fl-udjenzi ta’ TVM u TVM2 – żieda qawwija fl-udjenzi ta’ filgħodu u waranofsinhar

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ il-Ministru Carmelo Abela qal li matul ix-xhur ta’ Marzu u April l-udjenzi tal-istazzjon nazzjonali żdiedu ġmielhom meta mqabbla maċ-ċifri ta’ Jannar u Frar, kemm filgħodu kif ukoll waranofsinhar. Il-Ministru Abela stqarr li l-udjenza ta’ TVM żdiedet b’aktar minn 50 fil-mija u dik ta’ TVM2 kibret b’aktar minn 90 fil-mija.

Intant, il-preżentatur ta’ ‘TVAM’ Quinton Scerri dalgħodu fuq Facebook bi pjeċir ħabbar li ‘TVAM’ huwa l-aktar programm segwit filgħodu fil-gżejjer Maltin. Programm, li minkejja ċ-ċirkostanzi li ġabet magħha l-Covid-19 xorta waħda qed jirnexxilu jibqa’ jixxandar b’għadd ta’ kollegamenti ma’ diversi mistiedna bil-għan li jkompli jżomm kumpanija lil eluf ta’ Maltin u Għawdxin fis-sigħat bikrin tal-ġurnata.

Fost il-programmi li addattaw daqstant ieħor kif mitlub miċ-ċirkostanzi u baqgħu għaddejjin bil-ħidma sfieqa tagħhom ‘Niskata’, ‘Illum ma’ Steph’ u ‘Gadgets’.

F’dawn il-jiem ukoll, għadd ta’ teledrammi ta’ suċċess mill-imgħoddi qed jintwerew mill-ġdid fuq l-istazzjon nazzjonali grazzi għall-Arkivji tal-PBS.

TVM2 qed jaħseb ukoll għal dawk li ta’ kuljum jew nhar ta’ Ħadd imdorrija jisimgħu quddiesa. Ċifri juru li qed jintlaħqu udjenzi għolja kemm filgħodu waqt il-quddiesa kif ukoll filgħaxija waqt it-talb tar-rużarju.