Edukazzjoni
L-MUT tipproponi uffiċjal tas-sigurtà f’kull skola

Stħarriġ tal-Union tal-Għalliema wera li għalliem minn kull erba’ jesperjenza kuljum xi forma ta’ aggressjoni fl-iskejjel . . . l-aktar mill-istudenti jew il-ġenituri tagħhom.

F’kummenti lil TVM, il-President tal-MUT, Marco Bonnici qal li jekk dawn il-każijiet ta’ aggressjoni jkomplu, il-union mhix se taħsibha darbtejn biex toħroġ direttivi lill-membri tagħha.

Stħarriġ tal-Union tal-Għalliema li sar qabel il-btajjel tal-Milied wera li fl-aħħar sentejn 87% (87.3%) tal-edukaturi fl-iskejjel kollha qalu li esperjenzaw xi forma ta’ aggressjoni verbali jew fiżika fuq il-post tax-xogħol. Mill-istħarriġ ħareġ li 23% tal-edukaturi qalu li ta’ kuljum fuq il-post tax-xogħol jesperjenzaw imġiba aggressiva mill-istudenti jew mill-ġenituri tagħhom. Fl-istħarriġ, li fih ħadu sehem 183 edukatur, ħareġ li 40% ma rrapportawx dawn il-kazijiet għax jibżgħu jew iħossu li l-ilmenti tagħhom jaqgħu fuq widnejn torox.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-MUT, Marco Bonnici, wissa li l-MUT mhux se toqgħod lura milli toħroġ direttivi lill-membri tagħha. Qal li huwa inaċċettabbli li ta’ kuljum għalliem minn kull erba’ jesperjenza xi forma ta’ aggressjoni fl-iskejjel bħal theddid, tgħajjir u kliem ħażin mill-istudenti jew il-ġenituri tagħhom.

Il-President tal-MUT, Marco Bonnici qal ”inti ma jistax ikun tmur fuq il-post tax-xogħol u tesperjenza dan day-in day-out. Dan se jwassal għal burn-out u finalment titlaq il-professjoni jiġifieri jkun hemm azzjoni konkreta u min-naħa tagħna qed ngħidu tolleranza żero jiġifieri din mhix xi ħaġa aċċettabbli.”

Is-Sur Bonnici kompla jgħid li l-MUT ma tistax tittollera mġiba ħażina lanqas mingħand persuni li għandhom xi diżabilità intellettwali. Il-President tal-MUT qal li esperiment li sar fi skola partikolari tal-Gvern, li għandha uffiċjal tas-sigurtà fil-bieb tal-iskola jidher li ħalla l-frott, u appella lill-Gvern biex dan il-mudell jiġi estiż għall-bqija tal-iskejjel.

”Għandha tkun estiża kemm jista’ jkun malajr. Jidher li hemm fondi allokati u għandhom ikunu allokati għall-iskejjel l-oħra” qal is-Sur Bonnici.

Bl-għan li tkun ta’ spalla għall-membri tagħha, l-MUT nediet żewġ servizzi ġodda: numru ta’ emerġenza biex l-edukaturi jgħarrfu lill-MUT f’każijiet ta’ aggressjoni u servizz ta’ terapisti biex tingħata għajnuna psikoloġika lil min jesperjenza aggressjoni.

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Tfajla ta’ 19-il sena mid-Danimarka spiċċat misruqa lbieraħ fil-23:30, fil-Gżira. Is-serqa seħħet fi Triq ir-Rebħa, fil-Gżira meta raġel allegatament heddidha b’oġġett jaqta u bil-ponta waqt li kienet qed tpejjep barra…

Kronaka

Matul il-lejl żewġ karozzi ħadu n-nar f’żewġ lokalitajiet differenti. Għall-ħabta tas-siegħa ta’ dalgħodu, il-pulizija kienet infurmata li fi Triq in-Naħal f’ Ħal Qormi vettura tat-tip Toyota Vitz ħadet in-nar. Dwar…

Lokali

Wara laqgħa li kellhom illejla s-sidien tal-pompi tal-petrol msieħba fil-GRTU, ftehmu li minn għada mhux se jħallu s-servizz tal-fuel bl-automatic. Dan ifisser li s-sevizz mill-pompi se jkun sas-sitta ta’ filgħaxija,…

Aktar