Lokali
Żieda ta’ €3,000 għall-karozzi hybrid u elettriċi

Il-Ministru għall-Finanzi ħabbar li l-għotja finanzjarja biex jiġi inċentivat ix-xiri ta’ vetturi ġodda li jaħdmu bl-elettriku jew inkella Plug-In Hybrids ser tiżdied bi €3,000 minn l-għada tal-baġit.
Ħabbar li minn €8,000 għal xiri ta’ karozzi elettriċi jew plug-in hybrids, din sa titla’ għal €11,000, u titla’ sa €12,000 f’każ li se tiġi użata l-iskema tal-iskrappjar tal-vetturi wkoll.

Il-Ministru Caruana qal li se tiżdied ukoll l-għotja finanzjarja fuq skrappjar ta’ vetturi li jħammġu f’Għawdex. Din se tiżdied b’€1,000 biex issa din se titla’ għal €2,000.

Fl-istess waqt ħabbar li se jiġu estiżi l-iskemi l-oħra favur vetturi li jniġġżu anqas.

Qal li għal sena oħra, dawk il-miżuri marbutin ma’ xiri ta’ vetturi elettriċi li jinkludu ħelsien mit-taxxa ta’ reġistrazzjoni u eżenzjoni mill-ħlas tal-liċenzja annwali tat-triq għal perjodu ta’ 5 snin mid-data tal-ewwel reġistrazzjoni, għal vetturi elettriċi u vetturi elettriċi plug-in.

Ħabbar li mill-ewwel tas-sena tal-2023, il-capping tal-vetturi plug-in hybrids ser titla’ minn 30 kilometru awtonomija fuq il-batterija għal 50 kilometru.

Ir-rata speċjali applikabbli għal djar residenzjali biex individwi li għandhom vettura li taħdem bl-elettriku u matul il-lejl ikunu jridu jiċċarġjaw il-batterija wkoll, ser tibqa’ fis-seħħ.

L-iskemi fejn qed tingħata għotja ekwivalenti għal rifużjoni sħiħa tal-VAT fuq roti u roti elettroniċi, ser terġa’ tiġi estiża. L-istess qal li jgħodd għall-iskema li tinċentiva x-xiri ta’ muturi, scooters, pedelecs u roti assistiti b’mutur tal-elettriku u l-għotja għal min jaqleb il-vettura tiegħu biex taħdem bil-gass minflok bil-petrol.

L-iskema għall-vetturi aċċessibbli b’wheelchair li jintużaw għall-ġarr ta’ passiġġieri bil-kiri jew b’kumpens ser tiġġedded ukoll.

Il-Ministru Caruana ħabbar skema ġdida fejn vetturi bħal minibuses, coaches u trakkijiet li fuqhom jiġu installati l-pannelli fotovoltajiċi, jingħataw għotja sa massimu ta’ €900.

Ħabbar ukoll li l-Gvern se jniedi skema biex iħajjar operaturi ta’ minibuses u coaches kif ukoll trakkijiet biex inaqqsu l-emissjoni tad-duħħan mill-vetturi tagħhom permezz ta’ installazzjoni ta’ filtri tal-partikuli tad-diżil (DPF) u ta’ sistemi ta’ tnaqqis katalitiku selettiv (SCR).

Il-Malta Enterprise se tkun qed tniedi skema maħsuba biex tassisti intrapriżi jibdlu vetturi li jaħdmu bil-fjuwil għal vetturi li jaħdmu b’ mod elettriku u soluzzjonijiet oħra.

L-iskema ser tkun qed tkopri parti mid-differenza fl-ispiża ta’ bejn vetturi li jaħdmu bil-fjuwil u vetturi li jaħdmu b’mod elettriku.

L-intrapriżi ser ikunu qed jibbenefikaw minn din l-iskema meta jibdlu vetturi eżistenti għal vetturi elettriċi ġodda.