Kultura
Żunżana: sensiela ta’ ħames kunċerti minn bandisti żgħażagħ

Il-Proġett “Żunżana” jikkonsisti f’sensiela ta’ ħames kunċerti li se jittellgħu b’kollaborazzjoni bejn Aġenzija Żgħażagħ u l-Għaqda Każini tal-Banda minn grupp ta’ bandisti żgħażagħ li bdew idoqqu fl-aħħar ħames snin.

Il-baned li se jieħdu sehem huma l-Każin 12th May ta’ Ħaż Żebbug, l-Għaqda Mużikali San Leonardu ta’ Ħal Kirkop, il-Banda Vittorja tan-Naxxar, il-Banda Sagra Familja tal-Kalkara u l-każin ta’ Santa Marija tal-Qrendi.

Fit-tnedija tal-kunċerti, il-Ministru tal-Kultura Owen Bonnici qal li l-kunċerti se jsiru bejn Marzu u Ottubru ta’ din is-sena. Qal li l-għan tagħhom hu li jitkattru l-udjenzi għal mużika tal-baned u jitrawmu aktar żgħażagħ fit-taħriġ mużikali.