Żvelat għada l-video “Not My Soul” ta’ Destiny għall-JESC 2015

Riesaq l-appuntament għall-kantanta Destiny li din is-sena se tirrappreżenta lil Malta fil-Junior EuroVision Song Contest f’Sofja fil-Bulgarija fil-21 ta’ Novembru. Destiny li għandha 12-il sena se tinterpreta bil-vuċi b’saħħitha l-kanzunetta Not My Soul. Hija tat sehemha kemm fil-kompożizzjoni tal-mużika u anke tal-lirika, li x-xogħol ewlieni fuqhom sar mill-kompozitur Elton Zarb filwaqt li Matt ‘Muxu’ Mercieca ħa ħsieb il-kliem tal-kanzunetta.

Il-video tal-kanzunetta nġibed fl-istudios ta’ TVM fi Gwardamangia. L-istill tal-kanzunetta huwa soul kif jixhed l-isem stess. Il-video tagħha ser jkun żvelat għada f’nofsinhar fuq is-sit elettroniku tvm.com.mt.

It-tema tal-Junior Eurovision Song Contest din is-sena #Discover u fih ser jieħdu sehem 17-il pajjiż. Il-kantanta Destiny kienet intgħażlet biex tirrappreżenta lil Malta fil-Junior Eurovision Song Contest wara konkors li organizza l-PBS fost kantanti żgħar.