Qorti
Żvelati d-dettalji ta’ flejjes, karozzi u dgħajjes tal-aħwa Degiorgio

L-aħwa George u Alfred Degiorgio, li qed jiffaċċjaw proċeduri kriminali b’rabta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, tressqu l-Qorti din id-darba akkużati b’ħasil ta’ flus. Magħhom tressqet ukoll Anca-Adelina Pop, is-sieħba ta’ George Degiorgio, Rumena ta’ 33 sena. Huma tressqu quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud.

L-Ispettur Antonovitch Muscat qal li fl-aħħar xhur il-pulizija kienet qed tinvestiga l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u f’Diċembru 2017 ressqet tliet persuni: l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat. Qal li wara li tressqu, il-pulizija rċeviet inormazzjoni kunfidenzjali li dawn it-tliet persuni, l-aktar l-aħwa Degiorgio, kellhom assi li ma jirriflettux il-ħajja li kienu jgħixu. Din l-investigazzjoni estendiet għas-sieħba ta’ George Degiorgio – Anca-Adelina Pop.

George Degiorgio: Kont tal-bank inattiv u mhux reġistrat għat-taxxa

Mill-analiżi tal-pulizija rriżulta li George Degiorgio bħala informazzjoni mill-banek għandu kont mal-BOV inattiv mill-2005 u fil-passat kien ħa loan mill-HSBC. Huwa semma trasferimenti ta’ flus li dan għamel fuq perjodu ta’ żmien. Huwa reġistrat mal-casino Dragonara imma ma jirriżultax li qatt lagħab xi flejjes. Bħalissa għandu reġistrata f’ismu AUDI A4 sa minn April 2016, u qabel kienet f’isem is-sieħba tiegħu. Jirriżulta li għandu wkoll dgħajsa bl-isem DUCU. M’għandu l-ebda proprjetà immobbli, mhux reġistrat għal skopijiet ta’ taxxa u lanqas ma jirċievi xi pensjonijiet.

Is-sieħba ta’ George Degiorgio mniżżla ‘unemployed’ u għandha 3 karozzi

Adelina Pop ilha Malta sitt snin, u għandha kont wieħed mal-Lombard Bank li nfetaħ f’Ottubru 2016. Hija mniżżla bħala unemployed imma jkollha ħafna depożiti ta’ flus kontanti fil-kont tagħha. Bħal Degiorgio, bejn Mejju 2013 u Jannar 2018 għaddiet somom ta’ flus barra minn Malta. Għaddiet mat-€38,000, li l-maġġoranza tagħhom għaddew lil ommha. Mhijiex reġistrata jew qatt m’attendiet f’casino. Għandha Corvette, Audi Q7 u Mercedes Benz.

Alfred Degiorgio jippreżenta iktar minn €350,000 fil-casinos

Alfred Degiorgio għandu loan account mal-HSBC. Għadda wkoll €5,000 lil Benjamin Degiorgio fl-Awstralja. Magħruf u rreġistrat mal-casinos ibbażati f’Malta, fejn ippreżenta ammont ta’ flus li jaqbżu l-€350,000 . Huwa kien reġistrat bħala security guard f’bar f’Paceville. Għandu Mercedez Benz u kellu f’ismu KIA u BMW. Għandu wkoll dgħajsa jisimha Maya, li xtara m’għand Ivan Formosa.

L-ispettur interroga lit-tliet akkużati f’Ġunju 2018 u fil-Qorti ppreżenta l-istqarrijiet li għamel mal-akkużati, li min-naħa tagħhom ma wieġbu għall-ebda domanda u lanqas iffirmaw l-istqarrijiet li saru. Adelina Pop ma rrispondiet għall-ebda domandi u ma ffirmatx l-istqarrija. L-għada mar għand George Degiorgio li l-istqarrrija tiegħu fiha erba’ faċċati – ma wieġeb għall-ebda domanda u ma ffirmahiex lanqas. Alfred Degiorgio ma kkonsultax Avukat u wkoll ma wieġeb għall-ebda domanda jew iffirma l-istqarrija.

Iħallsu dejjem bi flus kontanti, inkluż il-miżati tal-iskola tat-tfal

Fil-kontroeżami l-Qorti semgħet, fost oħrajn, rappreżentant tal-iskola fejn jattendu tlieta mit-tfal ta’ George Degiorgio u Pop jgħid li l-miżati jitħallsu f’kontanti mis-sinjura Pop.

Xehed ukoll Ivan Formosa dwar dgħajsa bl-isem MAYA li kienet għall-bejgħ fuq il-pontun tal-Imsida, fejn ċempillu George Degiorgio fit-2 ta’ Frar ta’ 2017. Kellha xi ħsarat, għamilhom u tħallas tagħha €30,000 f’kontanti li ġabhomlu George Degiorgio. Għat-transfer tad-dgħajsa kien ġie Alfred Degiorgio.

Min-naħa tiegħu Carmelo Fava qal li kellu proprjetà għall-kiri f’San Pawl il-Baħar li kriha lil Alfred Degiorgio, li ġabuhulu l-aġenzija biex jikri f’Awwissu tal-2017 għal sena u minn Awwissu sa Novembru. Kien iħallas kirja ta’ €800 fix-xahar li dejjem tħallaset minn Alfred Degiorgio b’kontanti.

Dr David Gatt, f’isem l-imputata Adelina Pop, talab lill-Qorti li l-imputata tkun tista’ tikkomunika mas-sieħeb tagħha kif kien isir qabel ma ġiet arrestata fuq dan il-każ. Dr Cuschieri talab li hu u Dr Gatt ikunu jistgħu jkellmu t-tliet akkużati fl-istess ħin. Il-Qorti laqgħet it-talba.

Ir-rikors dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest mistenni jinstema’ fit-12 ta’ Lulju.

X’kien ġara fl-aħħar seduta?

Fl-aħħar seduta l-aħwa Degiorgo ġew akkużati mill-Ispettur Antonovitch Muscat li kkonvertew jew trasferew propjetà li kisbu permezz ta’ attività kriminali, kif ukoll li akkwistaw proprjetà u oġġetti minn attività kriminali.

It-tliet akkużati wieġbu li mhumiex ħatja. Filwaqt li l-aħwa Degiorgio kienu ġew miżmuma taħt arrest fuq l-każ ta’ Daphne Caruana Galizia, issa anki Anca Adelina Pop spiċċat ukoll fil-faċilità korrettiva ta’ Kordin wara li ġiet miċħuda t-talba tagħha għall-ħelsien mill-arrest.

 

Nota editorjali:

Nixtiequ niċċaraw li l-flus li Anca Adelina Pop kienet ittrasferiet ma sarux mill-kont li kellha fil-Lombard Bank, iżda bil-Western Union.

Aħbarijiet Oħra
Ġurnali

Din hi ħarsa lejn l-istejjer ewlenin fil-ġurnal tal-lum, il-Ħadd 9 ta’ Awwissu 2020. Times of Malta Storja fl-ewwel paġna tal-ġurnal The Times of Malta tgħid li aġent tax-shipping Malti huwa…

COVID-19

Il-mediċina u l-ikel huma fost l-aktar prodotti essenzjali li mingħajrhom Malta ma tgħaddix fi żmien ta’ pandemija. Tliet xufiera Maltin li jaħdmu ma’ kumpanija lokali tal-loġistika rifsu Malta għall-ewwel darba…

Lokali

Fil-fehma tad-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi, il-ġlieda kontra d-droga u l-kultura tal-flus huma kruċjali biex iż-żgħażagħ ma jaqbdux it-triq tal-kriminalità li studju juru li jekk jidħlu fiha minn…

Aktar