Radju Kafé
Kurżitajiet

100 sena mis-Sette Giugno

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Dal-jum nafu b’ismu bit-Taljan. Għax l-avveniment ta’ 100 sena ilu, is-7 ta’ Ġunju 1919, ġara f’mument meta f’pajjiżna kienet għaddejja l-kwistjoni tal-lingwa, liema għandha tkun il-lingwa uffiċjali bejn it-Taljan u l-Ingliż. U fost il-Maltin, dawk li kienu jafu jiktbu kienu l-biċċa kbira favur it-Taljan.

Kien jum meta l-Maltin urew li riedu jsiru nazzjon, l-ewwel darba li wrewha fi żmien il-ħakma Ingliża. L-ekonomija kienet tiddependi mis-servizzi Ingliżi u damet hekk għal ħafna snin. Fi żmien ta’ gwerra jkun hawn ix-xogħol u fi żmien ta’ paċi għaks u ġuħ biss.

Il-prezz tal-qmugħ kien għola ħafna u għalhekk il-ħobż, l-aktar ikel li seta’ jiekol iż-żgħir, kien se jogħla. Jingħad li l-importaturi Maltin żdidulhom l-ispejjeż minħabba l-assikurazzjoni tal-qamħ impurtat u riedu jgħollu l-prezz. Dawn l-importaturi talbu lill-Gvern Ingliż għal xi sussidju imma dan ma tax kashom u l-prezzijiet għolew.

Biex tlaħħaq mal-ħajja saret impossibbli u l-unika triq li kellu l-poplu kienet li jipprotesta. Il-folol daħlu l-Belt u l-awtoritajiet militari ħasbu li kollox se jgħaddi fi ftit ħin. Imma kienu żbaljati. Meta bniedem ma jkollux biex jitma lil uliedu, taħsbux li se joqgħod qisu kelb fidil.

Bandiera Union Jack fuq A la Ville de Londres aktar ipprovokat lin-nies. Kienet attakkata t-turretta tal-uffiċċju meteoroloġiku u ntremiet bandiera Union Jack barra t-triq. Fit-triq inħarqet il-bandiera u xi għamara li ntremiet mill-uffiċċju. Kien attakkat ukoll l-uffiċċju tad-Daily Malta Chronicle, gazzetta favur l-Ingliżi, kif ukoll djar oħrajn ta’ nies magħrufa li f’kollox kienu jżommu mal-Gvern Imperjali Ingliż.

Fi Strada Teatro u Strada Forni n-nies bdew jitfgħu il-ġebel lis-suldati Ingliżi. L-Ingliżi fetħu n-nar u qatlu l-Maltin. Dakinhar mietu tliet Maltin: Manwel Attard, Ġużè Bajada u Lorenzo Dyer.

L-għada l-irvellijiet komplew u kienet attakkata d-dar tal-Kurunell Francia. U ngħajtu r-rinforzi. Carmelo Abela qala’daqqa ta’ bajunetta u miet xi ġranet wara.

Kienet il-bidu ta’ triq twila biex Malta saret tal-Maltin. Sentejn biss wara l-Gvern Ingliż tana Kostituzzjoni sura biex kellna l-ewwel self-government… u t-triq minn hemm ‘l hawn kulħadd jafha.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN