Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Il-Lampuka

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

 

Minn nofs Awwissu jibda l-istaġun tal-lampuki. Hija l-aktar ħuta popolari f’Malta u tagħmel l-aktar platt tradizzjonali Malti. Tmur Marsaxlokk fl-istaġun u tinzerta xi luzzu dieħel bil-qabda, tgawdi l-ġmiel ta’ kuluri tal-lampuki meta jkunu għadhom friski. Hija ħuta rħisa u tajba għall-ikel speċjalment meta jgħadduha mid-dqiq, jaqluha u jservuha maz-zalza tat-tadam u kappar.

L-istaġun tal-lampuki jiftaħ kull sena nhar Santa Marija u jibqa’ sejjer sal-aħħar tas-sena, skont il-galbu tat-temp. Normalment fl-istess sajda jinqabdu lampuki, fanfri u tunnaġġ. Imma dawn tal-aħħar ma baqgħux jinqabdu għax it-tonn beda jonqos fin-numru u l-Unjoni Ewropea waqqfet is-sajd għat-tunnaġġ.

Il-lampuka hija ħuta li tpassi dejjem qrib wiċċ il-baħar. Allura s-sajjieda jitilqu l-kannizzati, sufri jew bċejjeċ ta’ jablo kbir fil-wiċċ tal-ilma, mgħottijin bil-weraq tal-palm, biex il-lampuki jfittex id-dell mix-xemx taħthom u s-sajjieda jkunu jafu fejn isibuhom. Minn qabel l-istaġun kull sajjied jingħata l-post fejn jista’ jitfa’ l-kannizzati u jistad għall-istaġun sħiħ, biex ħadd ma jidħol fuq ħaddieħor fl-eqqel tas-sajd.

Bejn wieħed u ieħor terz tal-ħut kollu li jinqabad matul is-sena huwa lampuki. Is-sajda teħtieġ il-bnazzi u allura jiddependi kemm idum l-istaġun skont kemm jibda malajr il-maltemp speċjalment wara Ottubru.

Iżda jekk itul il-bnazzi, l-istaġun tal-lampuki ġieli kien għadu għaddej anki fi żmien il-Milied. Tisma’ s-sajjieda antiki jgħidu li l-lampuka tqantar. U hekk hu. Il-lampuka kapaċi tikber u allura tiżdied fil-piż, anki sa qantar. Fil-fatt lampuka ġieli tikbar ‘il fuq minn żewġ metri, itwal minn bniedem. U meta jikbru, il-lampuki rġiel ikollhom rashom ikbar minn tan-nisa; l-għadma ta’ rashom toħroġ ’il barra ħafna
b’mod prominenti. In-nisa le.

U bilħaqq. F’Raħal Ġdid hemm triq jisimha għal-lampuka. Jien dejjem staqsejt għala f’Raħal Ġdid, fejn lanqas baħar ma hemm, issemmiet triq għal dil-ħuta. Fil-fatt f’dan ir-raħal hemm palazz tal-Balliju Lampodas. Il-Maltin ma tantx kien idurilhom isem dal-Balliju u laqqmuh il-Palazz tal-Lampuka.

U b’hekk ħareġ isem din it-triq li tibda minn Raħal Ġdid u tispiċċa fiċ-ċentru ta’ Ħal Tarxien.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN