Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Abbatini

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fl-imgħoddi ħafna subien kienu jidħlu abbatini. Illum anki bniet issib, imma n-numru ta’ abbatini llum naqas ħafna. Huma dawk li jgħinu lill-qassis fuq l-artal, u allura jilbsu uniformi qrib dik tal-qassis biex jidhru li huma parti mir-ritwal.

Il-libsa tal-abbatini ġieli tvarja, imma l-aktar komuni hija suttana u spellizza. Is-suttana hija l-libsa twila sal-art sewda filwaqt li l-ispellizza hija l-qasira, bajda u tintlibes fuq is-suttana. Imbagħad issib min jilbes xi faxxa, blu jew ħamra biex tindika dak li jkun hux Viċi-Prifett jew inkella Prifett, jiġifieri dak li jmexxi lill-abbatini ta’ dik il-knisja.

Illum abbati jmur il-knisja b’dan l-ilbies ġo qisha briefcase, imma fi żmienna le. Jien u l-abbatini l-oħrajn konna mmorru l-knisja għal xi servizz bis-suttana u l-ispellizza mitwijin puliti u impoġġijin fuq id minnhom mimduda. Jekk l-ispellizza kien ikollha l-piegi, ma kinitx tkun faċli biex tgħaddiha għax dawk kienu jgħadduhom waħda waħda. Imma l-ikbar problema kienet tkun meta fuq l-artal taqa’ xi ftit xemgħa fuq dan l-ilbies. Biex inneħħi x-xemgħa, ommi kienet tgħaddi dik il-parti bejn biċċtejn karta xuga, biex bis-sħana x-xemgħa ddub u tinxtorob fix-xuga.

Il-ħidma tal-abbati tinvolvi ħafna servizzi. Fil-quddiesa l-abbati jara li hemm kollox f’postu fuq l-artal u fuq l-ambone, minn fejn isir il-qari. Ikun hemm min idoqq il-qanpiena fis-santus. Ngħid id-dritt, jien ġieli ġġilidt biex inkun jien li ndoqqha! F’ċerti okkażjonijiet speċjali żewġ abbatini jżommu l-akkolti, jiġifieri dawk ix-xemgħat twal fuq quddiem tal-purċissjoni, sew jekk qabel quddiesa jew jekk barra mill-knisja. Abbati ieħor bejniethom, l-aktar il-Prifett, iżomm is-salib fil-bidu tal-purċissjoni. Ikun hemm min iżomm iċ-ċensier, u dak trid tippreparah u
tixgħelu minn qabel.

Kull sena abbati seta’ jintbgħat il-Vatikan għal xahar hemmhekk. Jien inzertajt kont abbati fi knisja li kienet għadha mhix parroċċa u allura ma stajt qatt inkun wieħed minnhom. Kien hemm fost sħabi min, avolja ’l bogħod, kienu jidħlu abbatini fil-parroċċa minflok fil-knsija ta’ qribhom, forsi jmorru l-Vatikan…

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN