Radju Kafé
Kurżitajiet

Abjad, Isfar, Roża jew Kannella

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

“Drink – A – Pint – A – Milk – A –Day” kienu jgħidulna l-iskola. Meta kont żgħir, l-awtoritajiet tas-saħħa dejjem kienu jisħqu fuq kemm hu importanti li nixorbu l-ħalib għal saħħitna. ’Il bogħod mill-ħafna beżgħat dwar xaħmijiet u bogħod mill-produzzjoni ta’ ħalib xkumat b’inqas kaloriji, kienu jgħidulna li mill-inqas kellna nixorbu pinta kuljum. U pinta kienet eżatt l-ammont ta’ ħalib li kont issib fil-flixkun.

Dak iż-żmien il-ħalib kien prodott mill-kumpanija Milk Marketing Undertaking, fl-istess post fejn isir illum, f’dak li kien l-istazzjon tal-ferrovija fil-Ħamrun, imma taħt isem differenti. L-MMU kienet kumpanija Maltija tal-Gvern u kienet tforni l-bżonnijiet kollha ta’ ħalib għall-pajjiż kollu. L-uniku ħalib impurtat kien dak tal-bott inkella tat-trab. Il-frisk kien kollu ta’ Malta.

M’hemmx għalfejn ngħidu li l-prodott fil-fliexken kien aktar iġjeniku, anki fi żmien meta ma konniex nitkellmu dwar ambjent u dwar akkumulazzjoni ta’ skart minn kontenituri li jintużaw darba, disposable, kif għandna llum. Il-flixkun kont tħallas għalih, xi 1c5 mingħalija, imbagħad meta tieħdu lura għand tal-ħanut tirrifondilek l-ammont lura. Il-flixkun kien jerġa’ lura fil-“fabbrika tal-ħalib”, jinħasel u jerġa’ jintuża. Konna nibżgħu għall-ambjent aktar fi żmien li l-ambjent ma kien isemmih ħadd.

Il-ħalib kien jiġi b’tapp tal-aluminju. Tapp lewn id-deheb kien ħalib tal-mogħża waqt li lewn il-fidda kien tal-baqra. Kien hemm ukoll tapp blu għall-ħalib tat-trab. Filgħodu kont tisma’ lil tal-ħalib ġej bit-trakk u ma’ kull crate li jġorr għal għand tal-ħanut tisma’ l-fliexken kollha jċekċku biex donnhom ifakkru lin-nies li kien sebaħ.

Xi ħaġa li donnha nqatgħet kienet l-użanza li l-iskola jagħtuna l-ħalib b’xejn kuljum. U kienu jagħtuna ħalib tal-kulur, bit-togħma. Kien hemm l-isfar tal-banana, ir-roża tal-frawli jew il-kannella taċ-ċikkulata. Naturalment l-aktar wieħed ħelu kien il-kannella u konna nistennew b’ħerqa l-ġurnata meta kien imiss li jagħtuna taċ-ċikkulata. Fil-brejk tal-għaxra konna nillestu s-sarvetta fuq il-bank, bit-tazza tal-plastic fuqha lesta biex jagħtuna sehemna.

L-ewwel kontenituri disposable niftakarhom dak iż-żmien. Kien hemm perjodu meta l-ħalib tal-iskola kienu jagħtuhulna f’kontenituri tal-kartun f’forma ta’ piramida triangolari. Kull kontenitur kien ikun fih porzjon għal persuna waħda. Konna nagħmlu toqba naħa minnhom, inqabbduh ma’ ħalqna u pika min jixorbu fl-inqas ħin possibbli. Imbagħad, fejn ma taraniex l-għalliema, nippruvaw infaqqgħu il-kontenitur mimli arja taħt saqajna biex nagħmlu ħoss “bħal ta’ bomba.”

Naturalment il-ħalib bil-kulur kien ikun fih iż-żokkor. U llum xi ħaġa hekk mhix permessa fl-iskejjel.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN