Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Agħmel Xita Agħmel

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Agħmel xita agħmel
Ħalli jikber il-ħaxix
Il-ħaxix nagħtuh lill-mogħża
U l-mogħża’ ttina l-ħalib

Ma nafx it-tfal ta’ llum għadhomx jgħiduha din, imma aħna konna ngħiduha, u ta’ qabilna wkoll. Naturalment konna ngħiduha meta kienet tagħmel ix-xita. Pajjiżna nieqes ħafna mill-ilma. M’għandniex ix-xmajjar u għadajjar kif issib f’pajjiżi oħrajn lejn it-tramuntana.
Allura, ħafna qabel beda jintuża r-reverse osmosis, l-uniku mezz kif ikollna l-ilma kien permezz tax-xita. L-ilma huwa riżorsa importanti ħafna għall-ħajja, mhux biss biex nixorbu aħna, imma wkoll għall-annimali u għat-tisqija tar-raba’.

L-antiki, l-aktar in-nies tal-kampanja, dejjem ħadu ħsieb biex jaħżnu l-ilma tax-xita għal meta xita ma tersaqx. U biex ma jitilfu xejn mill-ilma li n-natura tipprovdilhom kienu jieħdu ħsieb minn qabel jasal l-istaġun tax-xita. Minn fuq il-bjut, fl-irziezet kienu jagħmlu xi miżieb biex l-ilma jmur fejn iriduh huma. Anki fl-isqaqien, kienu joħolqu xi tumbata żgħira minn naħa għall-oħra biex l-ilma li jiskula wara x-xita jaqbad id-direzzjoni għal għandhom. L-ilma jimxi skont it-triq li jagħmlulu u jmur f’xi ġiebja jew xi bir. Dawn kienu jitħaffru fil-blat; il-bjar f’forma ta’ qanpiena waqt li l-ġwiebi kienu jkunu ,mħaffra ‘l isfel għad-dritt. Issib minnhom li minħabba l-kobor tagħhom kienu jissaqqfu bil-ħnejjiet.

Fuq il-bokka tal-bir kienet titpoġġa l-ħerża jew ħorża biex il-bokka tal-bir ma tkunx ta’ periklu li xi ħadd jaqa’ fl-ilma. Issib min flok bir jew ġiebja kien ikollu vaska, qisu bir miftuħ fejn tista’ tara l-ilma maħżun. Imbagħad kont issib anki xi ġibjun li huwa xi ħaġa ikbar u l-ħażna minnu sservi iktar.

Għall-konsum pubbliku kienu jinbnew l-għejjun. Dawn kienu jsiru jew fejn ikun ġej l-ilma ġieri b’mod naturali, inkella matul it-triq li l-ilma kien inġieb bl-akwadott mir-Rabat sal-Belt Valletta. Minbarra li n-nies kienu jieħdu minn dan ilma għal- djarhom, iż-żwiemel u bhejjem li fl-imgħoddi kienu l-uniku mezz ta’ trasport, kienu jixorbu mill-għejjun biex ikomplu triqthom. Issib minn dawn l-għejjun li kienu jkunu jitnaqqxu fil-ġebla u ġieli anki mnaqqxin b’mod artistiku.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN