Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Agħmillu ieħor!

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kullimkien kien hemm minnhom. Il-barijiet fil-bliet u rħula tagħna kienu qishom istituzzjoni fil-pjazez u toroq ewlenin daqs l-għassa tal-Pulizija jew il-każini tal-baned, sportivi u politiċi. Qabel iktar mil-lum kienu l-postijiet fejn l-irġiel jinġabru jixorbu xi ħaġa u jgħidu kelma.

Fi żmien meta konna taħt l-Ingliżi, jien dejjem stħajjilthom il-verżjoni lokali tal-pub Ingliż. Aktar qabel kien ikun hawn xi dverna fejn l-irġiel jixorbu xi pinta nbid. Imma mbagħad l-inbid għamel żmien ma kienx moda u n-nies qalbet fuq il-birra jew ix-xorb l-irqiq.

Ħafna minnhom kienu identiċi. Kif tidħol issib il-bar faċċata u maż-żewġ ħitan fuq iż-żewġ naħat kont issib bank fiss mal-ħajt it-tul kollu moħbi wara l-imwejjed miksijin bil-formika. Fuq in-naħa ta’ barra tal-imwejjed, imbagħad kont issib xi nofs tużżana siġġijiet tal-ħadid u l-landa, ħomor jew blu skont ta’ liema birra jkun ir-reklam ta’ fuqhom, li jekk jaqgħu jagħmlu ħoss jinstema’ mir-raħal qrib.

Meta missieri kien jidħol jixtri xi pakkett sigarretti Bristol, kont ninnota l-purtiera tan-nylon fil-bieb ta’ barra biż-żibeġ imdendlin mat-tarf t’isfel biex ma jidħlux dubbien. Imma dubbien ġewwa dejjem rajt. Forsi kien jitħajjar jidħol għar-riħa tat-tè?

Mal-ħajt kont noqgħod nara xi inkwatri żgħar b’ritratti taż-żmiemel tat-tiġrija, jew ta’ xi karozzi lussużi, jew ta’ kantanti ta’ dak iż-żmien. Niftakar anki l-juke-box ma’ ħajt iddoqq it-Taxi Mary. Kien ikun hemm ukoll il-magni tal-logħob sakemm fis-snin sebgħin kienu tneħħew kollha. F’dawn il-magni (mingħalija Flippers jew Pinball kien jisimhom) kienu jitfgħu munita, joħroġ ballun żgħir taħt il-ħġieġa, jibda nieżel ’l isfel u dak li jkun jipprova ma jħallihx imur fejn irid. Min kien b’qerq jipprova jċaqlaq il-magna, kienet tintfielu.

Mal-ħajt kien ikun hemm ukoll xi gabjetti bl-għasafar tal-għana fihom, jippruvaw imsieken ilaħħqu bit-tisfir tagħhom mal-mużika tal-juke-box. Ħafna rġiel kienu jġibu magħhom xi għasfur ukoll. Iżommuh f’gabjetta taħt għabthom u sakemm ikunu ma’ mejda jpoġġuh f’nofs il-mejda bejn il-fliexken tal-birra.

Id-diskursati fil-bar kienu jkunu fuq kollox; fuq il-kaċċa, politika, żwiemel, insib u karozzi. U jekk xi ħadd jaqbad jitkellem fuq xi mara, kienu jsikktuh “għax hawn it-tfal.” Kellhom raġun, għax kieku kont ftit ikbar dawk id-diskursati kienu jinteressawni!

Mela agħmillu ieħor…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN