Radju Kafé
Kurżitajiet

Agħtini b’sold bigilla!

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Tgħiduli xejn imma l-ikel assoċjat mal-Ġimgħa Mqaddsa jogħġibni aktar minn kull ikel ieħor. Suppost li hu ikel għal żmien is-sawm, imma kieku nagħti l-lala, iġiegħlni niekol iktar mis-soltu.

Bogħod mir-riċetti tas-soltu matul is-sena kollha, il-kapunata, bigilla, fażola bajda, spinaċi, tadam miċ-ċatt, ful nej, aljoli, żebbuġ ta’ Malta, kappar, basal tal-pikles, ġardiniera, ġbejniet tal-bżar u xi kisra ftira taħraq immut għalihom. Għalija waħda mill-aktar ikliet sinjuri li tista’ qatt tiekol. U fuq kollox huma ikel kollu Mediterranju, li skont l-esperti tan-nutrizzjoni huwa l-aktar ikel tajjeb għas-saħħa.

Il-bigilla tajba wisq. Ma fihiex xi riċetta kkumplikata wisq imma veru tiġi tajba. Konna nixtru l-ful ta’ Ġirba mingħand tal-ġwież. Kien jagħtina xi ratal ful żgħir f’karta taz-zokkor kbira u jgeżwirha b’mod li sakemm naslu d-dar ma taqax fula waħda mill-karta. Ommi kienet tħalli l-ful lejl sħiħ jixxarrab fl-ilma, imbagħad filgħodu tgħallih ħafna sakemm jirtab, tgħaffġu sew, imbagħad tħalltu bi ftit żejt u twieżnu bit-tewm u t-tursin imqatta’. U ħalli l-baħar iħabbat…

Il-bigilla ġieli kienu jiġu jbiegħuha lesta wkoll. Kien jiġi wieħed bil-ħmar fil-kantuniera jgħajjat “Tajba u taħraq!” Niftakar meta kienet toħroġ ommi tixtrilna ftit, kont noqgħod nilgħab mal-ħmar kwiet kwiet li min jaf kemm kien jgħid f’qalbu li qed indejqu. Imma dejjem kwiet baqa’ u qatt ma ċċaqlaq ħlief meta kien ikollu xi dubbiena ddejqu aktar minni.

In-nies kienu jixtru b’sold bigilla… jew bi tliet soldi, skont kemm ikunu fil-familja. Ix-xwejjaħ bil-beritta joħroġ biċċa karta strazza u minn ġo borma kbira tfawwar u tfewwaħ kullimkien kien iferra’ l-bigilla fuq il-karta b’kuċċarun kbir. Imbagħad kien jistaqsi jekk tridx bżar. Ommi kienet tgħidlu jitfa’ ftit mal-ġenb… biex jieħu minnu missieri biss. Aħna ma konniex inħobbuh il-bżar aħmar. Ħalliha li meta kbirt sirt inħobbu jien ukoll. Il-bżar aħmar magħsur fi flixkun nadif kien iservih fuq il-bigilla sħuna b’kuċċarina twila.

Kien hemm żmien meta l-bigilla, bħall-inbid, kienet meqjusa bħala “tax-xjuħ”, imma mindu fetħu l-Wine Bars u saru jservu l-bigilla fil-platters, saru moda t-tnejn.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN