Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ara Ġej il-Gawgaw

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Meta kont żgħir u ma kontx nobdi, għalkemm ma kinux ħafna dawn id-drabi, kienu jwissuni li jiġi l-Gawgaw għalija “Ara ġej il-Gawgaw!” Qatt ma qaluli eżatt kif kien jew minn fejn jiġi għalija… u qatt ma staqsejt li ma jmurx ifettillu jiġi veru u joħodni miegħu. Ismu biss, mit-ton ta’ kif kienu jsemmuhuli, kien juri li hu tal-biża’ u allurażgur qatt ma ġietni f’moħħi nistaqsi dwaru.

Imma meta kbirt u rajt li qatt ma kien ġie għalija, fettilli nistaqsi. Il-Gawgaw huwa karattru frott is-superstizzjoni tat-twemmin reliġjuż. Ħadd qatt ma rah u ħadd ma jgħidlek x’sura għandu. Imma kulħadd kien jgħid li dan il-Gawgaw huwa tip ta’ mostru jew fatat ikrah.
L-antenati tagħna kienu jgħidu li mhux sew li xi ħadd jitwieled lejlet il-Milied meta dak il-lejl suppost iddedikat biss lil Ġesù Bambin. U min ikollu x-xorti ħażina li jitwieled fl-24 ta’ Diċembru ried ibati l-kastig li f’nofs il-lejl jagħtih ħmar il-lejl, jinbidel f’Gawgaw li joqgħod idur u jiġri tul il-lejl kollu mat-toroq ibeżża’ lin-nies u jfittex lit-tfal imqarbin.

Il-Gawgaw, kien jgħidu, jerġa’ jsir uman mas-sebħ ta’ jum il-Milied, imma jkun għajjien, mimli brix u tbenġil u ma jaf xejn dwar dak li għadda minnu mal-lejl.

Lanqas temmen, lill-Gawgaw ħadd ma rah imma ħalli għal kull min kien jirrakkonta dwaru biex iżejjen u jkabbar l-istorja u b’hekk it-tfal aktar jistagħġbu, jitwerwru u forsi joqgħodu kwieti. Kienu jgħidu li l-Gawgaw kellu l-abbiltà li jxomm fejn jinsabu t-tfal l-imqarbin u jekk jaqbadhom joħodhom xi mkien ’il bogħod fejn hemm il-ġuħ u t-tbatija.

U l-ġenituri kienu jagħmlu minn kollox biex jekk għandhom wild li twieled lejlet il-Milied, qatt ma jsirilhom Gawgaw! Kienu jaraw li ma jħallux li jasal nofs il-lejl u min jagħlaq sninu fl-24 ta’ Diċembru jinzerta rieqed. Allura kienu jżommu lil dak li jkun imqajjem mill-ħdax ta’ bil-lejl ’il quddiem u mqar joqgħod jgħodd it-toqob ta’ xi passatur jew għarbiel biex żgur ma jorqodx.

Kos hux, dak iż-żmien min jitwieled fil-lejl tal-Milied ilaqqmuh tal-Gawgaw u ma jħalluhx jorqod, u llum jagħmluh popolari għax iġibuh fil-gazzetti u l-aħbarijiet kollha!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN