Radju Kafé
Kurżitajiet

Ara Ġej tal-Karrettun

Illum m’għadekx tara karrettuni fit-toroq. Imma fis-snin sebgħin, minkejja li fit-toroq kien hawn ħafna karozzi, ħafna bejjiegħa kienu jużaw il-karrettun. Bejgħ li llum isir bil-vannijiet, jew b’xi trakk, dak iż-żmien kien isir b’xi karrettun miġbud minn żiemel jew minn ħmar.

Ħdejna kien jiġi kull filgħodu wieħed ibiegħ il-ħaxix. Lill-ħmar kont nitħassru. Veru sidu kien iwaqqfu fid-dell, imma miskin kien jeħtieġlu joqgħod sigħat sħaħ wieqaf fl-istess post sakemm sidu jbiegħ, jiżen waqt li l-ġirien jiġġebbdu fuq xi prezz, igergru li z-zunnarija tal-bieraħ kienet xierfa jew iparlaw bejniethom l-aħbarijiet kollha tan-nies ta’ ħdejna. Ma naħsibx li l-ħmar kien jifhem id-diskursati dwar xi ġralha Ċetta jew x’għamlet Karmena. Kont ninnutah biss il-ħin kollu jferfer denbu biex ikeċċi d-dubbien fitt minn fuqu.

Karrettun ieħor kien jużah tal-pitrolju li minbarra t-tank bil-pitrolju kien ikun mimli sa ruħ ommu bil-bramel, friskaturi, bottijiet tal-enamel, xkupi, pali u mitt ħaġa oħra. Kellu għajta partikolari: “Trolju!” L-ewwel żewġ ittri tal-kelma qatt ma kien jgħidhom. Kont ninnota wkoll li hekk kif jaqbad miexi ż-żiemel, kulma jkollu fuqu kien iċekċek u joħloq sinfonija sħiħa ta’ ħsejjes, imżejna bil-kant ta’ “Trolju” mill-bejjiegħ.

Kien jiġi wkoll wieħed bil-ħut. Iż-żewġ qtates li kellna fit-triq kienu jxommuh minn mil bogħod. Kien jgħajjat “Ħajjin” avolja l-ħut li kellu dejjem mejjet rajtu. U kull meta kienet jitbattallu l-friskatur tal-metall fejn kien ipoġġi l-qarnit, kien jarmi l-ilma baħar ta’ ġo fih fit-triq u jħalli riħa pessma. Mhux ta’ b’xejn il-qtates kienu jxommuh.

Kienu jiġu wkoll tal-karrettuni bil-fniek u tiġieġ, tal-isfineġ jaqsam triq bir-riħa tfuħ, kif ukoll tal-bigilla. Dak kont inħobb nitlob ‘l ommi tibgħatni nixtri mingħandu. U kont noqgħod attent biex ma jitfgħalix bżar aħmar fil-wiċċ.
Kienu karrettuni meta lkultura tal-bejgħ kienet differenti; karrettuni li jfewwħu jew inittnu l-post… l-aktar meta ż-żiemel jew ħmar kien jaqbdu l-bżonn naturali tiegħu.

Illum mill-karrettuni fadal biss xi rota żżejjen xi villa bil-ġmiel ta’ xogħol fl-injam u t-tberfil ta’ nies kapaċissimi bil-pinzell.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN