Radju Kafé
Kurżitajiet

Awwissu x-Xemx Taħarqu u x-Xita Tmissu

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Ix-xahar t’Awwissu hawn ħafna jistennewh għal raġunijiet diversi. Hawn min jistennih għax ikollu l-festa tar-raħal jew belt, infatti dan huwa l-aktar xahar li fih ikunu ċċelebrati festi lokali. Hawn min jistennih għax huwa l-aktar xahar li fih tista’ tgawdi l-baħar u x-xemx tiżreġ waqt li oħrajn issibhom isiefru xi safra propju biex jaħirbu x-xemx ta’ pajjiżna.

Għax dax-xahar imsemmi għas-sħana. Is-sajf ikun ilu li beda uffiċjalment minn Ġunju, għalkemm ġieli jibda ħafna qabel, u f’Awwissu s-sħana tkun fl-aqwa tagħha. Allura ħalli għal dawk li x-xemx jadurawha li jgħaddu ġranet sħaħ maġenb il-baħar, daqqa fl-ilma u aktar jixxemmxu sakemm kulurhom jinbidel għal kollox.

Bix-xemx taħraq ma tistenniex mod ieħor. U tabilħaqq mhux biss taħraqna, imma taħqarna wkoll. Il-qawl Malti jgħid li Awwissu x-xemx taħarqu u x-xita tmissu. Għax skont missirijietna għall-ħabta ta’ Santa Marija f’nofs ix-xahar jaslu fuqna l-ewwel sħabiet, dawk imsejħa għerejjex, biex imbagħad f’San Bert, fl-24 tax-xahar, tibda nieżla x-xita.

Issa jew dawn l-għajdut mhux dejjem iseħħu, jew inkella minħabba l-bdil fil-klima, sħab naraw ħafna qabel Santa Marija u x-xita ġieli qiegħda tagħmel anki fl-eqqel tas-sajf. F’dawn l-aħħar snin, it-temperaturi mhux dejjem tista’ toħdilhom kopja u anki min jemmen l-irwiegel jgħid li kollox qed jinbidel.

Fl-imgħoddi, meta t-turiżmu ma kienx kostanti tul is-sena kollha, Awwissu kien l-aktar xahar li fih kien ikollna turisti. Wara xhur sħaħ iqanqċu kemm kemm jiġbru l-pagi, il-lukandi kienu jippruvaw idaħħlu kemm jista’ jkun impjegati biex ilaħħqu mal-influss ta’ turisti f’dan iż-żmien tas-sena. Min qatt ma libes ċoff isir wejter u min jista’ jagħti daqqa t’id, jaqla’ lira żejda u b’hekk it-turisti li kienu jiġu f’Malta u Għawdex kienu jinqdew.

Lill-Ewropej xahar sħun bħal dan jiġbidhom. U għalhekk, inħobbuh jew le, jalla jibqa’ jiġbed it-turisti bħax-xhur l-oħrajn. Għax kif ngħidu; Malta qatt ma rroftat qamħ!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN