Bonġu Kafé
Lokali

Azopardo

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Mhux Azzopardi… imma Azopardo. U probabbli li l-kunjom inbidel maż-żmien. Huwa kunjom raġel li fix-Xatt tal-Isla għamlulu bust iħares lejn il-baħar quddiemu. Forsi mhux kull min jgħaddi minn quddiemu kuljum jaf kemm kien importanti dak ir-raġel barra minn Malta. Il-karriera tiegħu ħaditu ‘l bogħod ħafna imma ismu ħareġ bl-unuri u jibqa’ msemmi fl-istorja.

Jismu Juan Batista Azopardo. Twieled l-Isla fid-19 ta’ Frar 1772, iben Salatore u Rosina mwielda Romano.  Minn tfulitu kien miġbud lejn il-baħar. Mar jistudja l-arkitettura navali f’Toulon fi Franza. Serva fuq diversi flotot kbar fosthom dawk ta’ Franza u l-Britannja.

Lejn l-aħħar tas-seklu tmintax, Azopardo beda l-karriera tiegħu fl-Amerika t’Isfel, eżattament l-Arġentina. Fil-bidu tas-seklu l-ġdid, il-Brittanja invadiet Buenos Aires waqt li Azopardo kien f’Montevideo. Ftit ftit beda tiela’ l-iskaluni ta’ karriera militari u fl-1808 laħaq Lugotenent Kurunell fil-milizzja ta’ Buenos Aires.

Ftit wara r-rivoluzzjoni ta’ Mejju 1810, Azopardo spiċċa fil-Korp tal-Grenadiers jassisti lill-Arġentini fil-ġlieda għall-Indipendenza kontra l-ħakkiema Spanjoli.

Kien propju Juan Batista Azopardo mill-Isla li waqqaf in-navy tal-Arġentina, fil-15 t’Awwissu 1810. Kien ifforma u organizza l-ewwel skwadra, u ngħata l-inkarigu biex imexxi l-ġifen Invencible, li b’kumbinazzjoni jġib l-istess titlu li għandha beltu l-Isla: Invicta.

Iżda mhux kollox ward u żahar għax meta ġġieled lill-flotta Spanjola, li kellha numru ħafna ikbar ta’ bastimenti, kien tilef, inqabad u spiċċa l-ħabs akkużat li rribella kontra Spanja.

Wara r-rivoluzzjoni tal-liberali fi Spanja fl-1820, il-Ġeneral Riego ordna l-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha. B’hekk Azopardo inħeles u mar lura lejn l-Arġentina bħala eroj nazzjonali u ngħata l-kariga ta’ Kaptan tal-Port ta’ Buenos Aires.

Fl-1825, Azopardo ġġieled fil-gwerra kontra l-Brażil u ftit taż-żmien wara reġa’ nħatar mexxej tan-navy Arġentina. Sentejn wara talab u kiseb il-permess li jirtira.

Huwa ma reġa’ lura lejn Malta u l-Isla qatt aktar. Kien iżżewweġ mara mill-Arġentina, Maria Sandalia Perez Rico u kellhom iben wieħed: Luis Alberto.

Juan Batista miet fit-23 ta’ Ottubru 1848 fi Buenos Aires. Il-bust fl-Isla jfakkarna kemm wild din il-belt kien kapaċi jnaqqax ismu fl-istorja militari dinjija.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN