Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Banni Bannozzi…

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Meta konna tfal, kulħadd jiftakar li kienu jgħidulna xi taqbila. Taqbila malajr tiftakarha u allura, speċjalment mat-tfal żgħar, tindara fi ftit ħin u tgħidx kemm jieħdu gost biha waqt li tilgħab magħhom.

Anzi jibdew jitolbuk huma biex tilgħabha magħhom. Ħadd ma jaf min ivvintahom dawn it-taqbiliet u lanqas meta. Il-biċċa l-kbira nitgħallmuhom meta nkunu għadna żgħar, fiż-żgħożija ma ngħiduhomx aktar għax inkunu sirna “kbar”, imma malajr nerġgħu niftakruhom meta jkollna l-ulied aħna. U b’hekk jgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. Per eżempju min qatt ma sema’ b’din?

Banni bannozzi
Ġej il-papà ġej
Kollox għal (xi ħadd)
U lil (xi ħadd ieħor) ma n’tuh xejn!

Kienet logħba li tgħidha lit-tfal żgħar, il-biċċa l-kbira li jkunu għadhom lanqas jimxu, waqt li jċapċpu idejhom. Fit-tielet vers issemmi isem it-tifel jew tifla waqt li fir-raba’ vers issemmi xi isem ieħor biex it-tarbija tidħak.
Imbagħad hemm it-taqbila tal-famuża żunżana:

Iż-żunżana ddur iddur
Fuq il-bejt tal-kaċċatur
Malli tasal taħt il-mina
Tagħmel żinn żann żunn

Il-kaċċatur jissemma wkoll f’taqbila oħra, li aktar minn sempliċi taqbila, hija wkoll għanja antika fuq il-melodija tal-għana Malti. Niftakar żmine meta ma kont issib lil ħadd li ma jafhiex. Illum, fost iż-żgħar, probabbli ftit issib jafuha.

Ajma żaqqi kemm tuġgħani
Kilt il-għeneb mhux misjur
Iddendilt mal-kannizzata
Qisni kelb tal-kaċċatur

Taqbila li ħafna jiftakru hija marbuta ma’ logħba li fiha jieħdu sehem numru ta’ tfal li jaqbdu id f’id u jiffurmaw ċirku, jgħidu l-kliem tat-taqbila u jduru dawra sħiħa:

Dawra durella
Qasba żigarella
Ċoff tal-bellus
Ċaqċaqhielu lill-għarus
Axxa axxa
Missieru ġol-kaxxa!

Din li ġejja kienet tintqal waqt logħba bis-swaba. Bħal ħafna taqbiliet oħrajn fiha kliem li mhux dejjem jagħmlu sens, imma r-raġuni kienet biss biex ikun hemm rima u għalhekk tingħoġob mit-tfal.

Pizzi pizzi kanna
Duluri ta’ Sant’ Anna
Sant’ Anna tal-morina
Ħabba biċċa pellegrina
Mgħaref tal-fidda
Bandiera tal-ħarir
Noli kannoli
l-Insara qaddisin

Hemm diversi varjazzjonijiet ta’ dawn it-taqbiliet. Naturalment bħalma maż-żmien jevolvi kollox, evolvew ukoll it-taqbiliet. Varjazzjoni mhux ħażina. Il-ħażin kieku kellhom dawn it-taqbiliet jintilfu… u nibża’ li hekk qed isir… forsi għax bil-Malti.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN