Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Barumbara tal-Ħamiem

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Il-ħamiem magħruf li l-ħin kollu jbarqam, jiġifieri jgerger bla ma jieqaf. U allura meta nsibu lil xi ħadd igerger minn taħt l-ilsien, ngħidulu li qed ibarqam bħall-ħamiem. U fejn ikun hemm aktar minn persuna waħda jagħmlu dan, ngħidu li qishom barumbara tal-ħamiem. Għax il-barumbara hija l-post fejn jinġabar il-ħamiem… u naturalment hemm joqgħod ibarqam.

Il-ħamiem ilhom jgħammru f’Malta għal eluf ta’ snin; ħafna qabel il-miġja tal-bniedem f’dawn il-gżejjer. Kienu jgħixu f’xi toqob jew fissuri fl-irdumijiet u aktar tard anke f’binjiet magħmula mill-bniedem, speċjalment fl-irziezet fejn il-ħamiem kien jintelaq barra jiekol minn ġol-għelieqi bla ħadd ma jmissu. Il-kelma barumbara wisq probabbli li ġejja mill-Isqalli palummara, kelma li hi wkoll ġejja mil-Latin
columbaria.

Fuq is-setaħ jew fl-għorfa tal-irziezet antiki nsibu dil-barumbara, jew guva tal-ħamiem li kienet magħmula minn numru ta’ toqob tondi jew kwadri fil-ġebla, ġieli anke maqsuma f’fillieri. Huma toqob magħmula apposta biex fihom il-ħamiem isib il-kenn għal mal-lejl jew fil-maltemp u fejn ibejjet, ifaqqas u jgħix.

Għadd kbir mill-barumbari kienu jsiru billi jordnaw ġebel kbir b’għamla kwadra ta’ ċangatura msejħa vażi. Il-ħxuna ta’ dawn il-vażi kienet tkun darbtejn u nofs dik ta’ ċangatura. Kull vaża kienet titħaffer qisha ħawt u fil-ġenb tagħha titħaffer ħofra minn fejn jgħaddi l-ħamiem; jew toqob kwadri, rettangolari inkella tondi. Il-vażi kienu jibnuhom fuq xulxin qishom ħwat wiċċhom ’l isfel biex b’hekk fuq nett ikollha saqaf ukoll u tifforma toqob fil-ġenb tal-ħajt jagħtu għal barra. Il-barumbara kienet tkun mibnija fil-għoli u tista’ tintlaħaq biss b’sellum.

Illum għadek issib ħamiem jgħammar fl-irziezet u fil-kampanja. U jista’ jkun li l-ħamiem sab forom oħra ta’ barumbari fejn jgħix. Imma aktar insibu minnhom fl-ibliet bħall-Belt Valletta u l-Furjana. Speċjalment fiż-żmien meta l-fosos kienu jintużaw għall-qmuħ, il-ħamiem kien ikollu xalata jiekol il-qamħ li jixtered matul il-mili tal-fosos u t-trasport tiegħu. Illum qmuħ m’għadekx issib fil-bliet, imma l-ħamiem xorta għadu jsib kenn fl-irkejjen tal-binjiet antiki.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN