Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Beda Żmien il-Kxif

Illum beda s-sajf u l-bajjiet tagħna ftit ftit bdew jimtlew bin-nies… nies li jqattgħu sigħat u saħansitra ġranet maġenb il-baħar igawdu naqra frisk mill-Mediterran. U la tkun ħdejn il-baħar m’intix se tmur liebes xi kowt tas-suf. Mhux hekk? Tmur liebes apposta biex x’ħin ifettillek taqbeż tgħum; ilbies ħafif jew nuqqas ta’ lbies apposta għas-sajf.

U allura beda żmien il-kxif… u f’dis-sħana tixwi l-ankri, fuq ix-xtut issib nies jgħumu jew jixxemxu. Ma nafx dawk li jixxemxu biss kif iġerrħu sigħat sħaħ f’dix-xemx taqli midlukin b’xi żejt apposta… biex iktar jinqlew. Hawn min jindilek bis-sun block, u hekk għandu jkun, imma hawn min jindilek b’lukwidu apposta biex jismar malajr… biex jidhru sexy. Imma nsomma kulħadd jagħmel dak li jippreferi. Free country!

Bħalma hija wkoll Free Country għal dawk li jmorru maġenb il-baħar, biex jaraw lil ħaddieħor. Ħeqq, ma tagħtihomx tort… ikun hemm x’tara… turisti u Maltin ta’ kull forma u ta’ kull għamla: irqaq, ħoxnin, immuskolati, mgħaddmin, mibnijin, iffurmati, dawk li qishom ħajta deni u oħrajn li għandhom ġisem kalamita għall-għajnejn… u kulħadd liebes l-inqas possibbli. U ssib min ħaditu ħafna x-xemx jew min hu abjad karti qisu lampuka fid-dqiq.

Darba waqt kampanja elettorali kien hemm min ippropona li jkollna bajjiet għan-nudisti! U qal li b’hekk jiġu eluf ta’ Ewropej li jħobbu jxemmxu kull millimetru minn ġisimhom. Bla ħwejjeġ xejn! Imsieken dawk li qagħdu jinvestu fin-negozju tal-malji tal-għawm. Lil dawn dil-proposta kienet toqtolhom bil-ġuħ! Imnalla min ipproponiha kien indipendenti u ma ġabx voti biżżejjed.

F’Malta żmien il-kxif ma jiġix biss fis-sajf fuq ix-xtut u r-ramliet. Għadna kif ħriġna minn żewġ elezzjonijiet u bħas-soltu fil-qasam politiku, iż-żewġ partiti l-kbar jikkritikaw lil xulxin u jikxfu kemm jifilħu dwar ta’ kontrihom. U naturalment il-partiti ż-żgħar jikxfu tat-tnejn il-kbar, għax lilhom m’għandu ħadd x’jikxfilhom.

Insomma, is-sajf, żmien il-kxif, kulħadd jikxef… imbasta tkun mikxuf bi nhar biss… ghax jekk torqod mikxuf, jghidu li tqum bil-geddum… jekk ma jqattgħekx in-nemus.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN