Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Bettieħ u Dulliegħ

Ma tistax fix-xhur tas-sajf tgħaddi minn ħdejn tal-ħaxix bla ma tara l-bettieħ u d-dulliegħ. Kaxxi sħaħ mimlija lesti għall-bejgħ… u jekk għandek xi dubju, jippruvalek ukoll. Tal-ħaxix pront pront joħroġ sikkina, jaqsam biċċa u jdewqek biex tkunh ċert li se tixtri frotta ħelwa manna.

Il-bettieħ u d-dulliegħ ġejjin mill-istess razza. Għalqa bihom miżrugħin insejħulha bħajra. L-istess ngħidu għall-qarabagħli, qargħa ħamra jew torki jew twil. Il-weraq ta’ dawn kollha qishom l-istess. Il-bdiewa xjuħ jgħidu li l-bħajra trid issaqqiha l-ilma fl-art. Il-weraq ma jiħdux pjaċir jixxarrbu. Għalhekk meta tagħmel ix-xita fil-bidu tas-sajf jgħidu li se tagħmel ħsara lill-bħajra.

Illum kważi l-bettieħ u dulliegħ li nsibu għall-bejgħ kollu jkun ħelu. Imma kien hemm żmien li l-affarijiet ma kinux hekk. Fi żmien kont issib biss minn ta’ Malta, u flok fil-kaxxi kienu jkunu fl-ixkejjer. Dak iż-żmien bettiegħ konna nsibu biss l-isfar imsejjaħ “tas-sajf” għax ikun żmienu fil-bidu tas-sajf, inkella l-aħdar imsejjaħ “tax-xitwa” għax ikun żmienu lejn l-aħħar tas-sajf, mhux dejjem kont issibu ħelu. Minn hemm bdiet l-użanza li tal-ħaxix jippruvalek biċċa biex jurik kemm tiegħu ħelu! U jekk ma tkunx ħelwa tgħidlu li qisha ġidra! U meta tal-ħaxix kien ibellgħalna xi waħda bla togħma, id-dar konna nqattgħuha bċejjeċ u nħalluha fil-friġġ ġo skutella bl-ilma biz-zokkor, forsi ssir ħelwa mod ieħor.

Anki d-dulliegħ. Qabel kien ikun hawn biss dulliegħ aħdar skur, żgħir fid-daqs u mimli żerriegħa kbira. U l-istess iktar kont issib mhux ħelu milli kontra. Imma dawk kellna u l-art tagħna dawk kienet tagħtina.

Maż-żmien beda jiġi l-bettiegħ ta’ barra, imsejjaħ “ta’ Iżrael” bil-qoxra mxebbka u d-dulliegħ daqsiex ta’ Sqallija. U l-bdiewa lokali bdew jiżirgħu minnhom f’artna wkoll… u l-prodott tjieb. Għalkemm illum xorta għadu jiġi prodott minn barra minkejja li għandna tagħna.

Bilħaqq meta kont żgħir niftakarni nżommu ż-żerriegħa tal-bettiegħ, innixfuha fix-xemx imbagħad nikluha. Illum lanqas ċans innixfuha m’għandna!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN