Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Bighi

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Wieħed mill-aktar postijiet sbieħ li qatt ħdimt fihom. Ilsien ta’ art fuq il-baħar f’nofs il-Port il-Kbir bejn id-daħliet tal-Kalkara u tal-Irnella. Faċċata tal-Belt Valletta, partikolarment quddiem Dar il-Mediterran u maġenb il-bokka tal-port. Post mill-isbaħ u min qatt ma mar hemmhekk tilef waħda mill-isbaħ xeni li għandu pajjiżna.

Fl-imgħoddi l-post kien magħruf bħala l-Għolja tas-Salvatur minħabba l-kappella tas-Salvatur hemmhekk. Fis-sbatax-il seklu, Fra Giovanni Bichi, li kien jiġi n-neputi tal-Papa Alessandru III, bena Villa Bichi fuq disinn ta’ Lorenzo Gafà. Din kienet il-binja tan-nofs fil-kumpless ta’ binjiet li hemm illum. Fra Giovani lanqas laħaq raha lesta għax miet. Maż-żmien il-villa nbiegħet u saret magħrufa bħala l-Palazz tas-Salvatur.

Jingħad li fis-seklu tmintax, il-binja inxtrat minn qarib tas-sid oriġinali, li kien jismu bħalu, Fra Giovanni Bichi u semmieha Palazzo Bichi. Mal-miġja tal-Ingliżi f’Malta l-Ammirall Nelson tefa’ għajnejh fuq il-binja u l-penisola u ddeċieda li l-post iservi ta’ sptar militari. B’xi mod l-Ingliżi bdew jiktbu l-isem differenti u l-villa saret magħrufa bħala Bighi minflok Bichi.

Fil-bidu tas-seklu dsatax, il-binja serviet anki bħala sptar tal-kolera. Iżda fi żmien ir-Re Ġorġ IV, wara talba mill-Gvernatur Ponsomby, inbnew erba’ binjiet kbar madwar il-villa, tnejn fuq kull naħa biex il-villa baqgħet fiċ-ċentru tal-kumpless. Kienu żviluppati l-ġonna madwar il-binjiet u nbenew binjiet oħrajn iżgħar. Per eżempju kien hemm binja żgħira msejħa Lunatic Ward, għas-sahha mentali. Kien hemm kwartieri biex it-tobba jgħixu mal-familji tagħhom fil-propjetà tal-isptar stess. Kien hemm anki gażebo żgħira fejn setgħu imorru jpejpu.

Maż-żmien inbena anki lift li jieħu mill-isptar sa maġenb il-baħar fuq in-naħa tal-Kalkara. B’hekk bniedem midrub seta’jitwassal bil-baħar sal-post u jittella’ bil-lift sas-swali tal-isptar. L-isptar serva ħafna lill-Imperu Ingliż speċjalment waqt il-Gwerra tal-Krimea meta l-midruba kienu jinġiebu fl-isptar ta’ Bighi. Jingħad li anki l-famuża Florence Nightingale ħadmet hemm matul dik il-gwerra.

Bighi għalaq bħala sptar waqt ir-rundown tal-Ingliżi f’Settembru tal-1970. Wara xi żmien sar skola tas-snajja’ u aktar tard ċentru tar-restawr.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN