Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Biskuttelli u Krustini

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Issib ħafna li t-tè jew il-kafè ma jafux jixorbuh waħdu. Min jippreferi gallettina jew qagħqa żgħira u oħrajn jippreferu jbillu. U biex inbillu f’Malta nużaw jew xi ottu, tip ta’ qagħqa li minflok tonda tkun f’forma ta’ numru tmienja, għalhekk isejħulu ottu, inkella hawn min iħobb ibill b’xi buskuttell jew krustina.

Fil-forma l-biskuttelli u l-krustini qishom it-tnejn l-istess imma fit-togħma differenti. B’xi mod it-tnejn ġejjin mill-biscotti Taljani. Il-kelma biscotti ġejja minn bis u cotti, li tfisser imsajrin darbtejn. Dan għaliex kemm il-biskuttelli kif ukoll il-krustini jinħmew bħala ħobża tawwalija, jitħallew jiksħu sew, jekk jista’ jkun sal-għada, imbagħad jitqattgħu fi bċejjeċ u jerġgħu jinħmew jew jinxtwew biex jibbiesu.

Dan it-tip ta’ tisjir beda minn żmien l-Imperu Ruman meta kienu jagħmlu dawn it-tip ta biscotti biex ikollhom ikel li jibqa’ tajjeb anki jekk jivvjaġġaw lejn xi post ‘il bogħod fl-Imperu kbir li kellhom. Allura dan it-tip ta’ ikel xott kien l-aħjar għażla. Maż-żmien, minħabba t-tjubija tagħhom, xorta baqgħu jittieklu
anki jekk ma kellhomx għalfejn jivvjaġġaw.

Malta kienet parti mill-Imperu Ruman imma ħadd ma jaf jekk ilniex naħmu minnhom minn dak iż-żmien jew inkella ġewx għandna f’xi żmien wara. Id-differenza bejn il-biskuttelli u l-krustini tinsab fl-ingredjenti.Fiż-żewġ riċetti nsibu d-dqiq, iz-zokkor, il-ħlewwa, l-butir u l-ilma. Imma waqt li fil-biskuttelli jkun hemm ftit tal-ħmira, ir-riċetta tal-krustini aktar tagħfas fuq togħma ħelwa.

Lewż, vanilja, noċimuskata, qxur tal-larinġ jew lumi, intrita, ilma żahar u bajd huma fost l-ingredjenti biex il-krustini jiġu ħafna itjeb u aktar fini mill-biskuttelli. Infatti minħabba n-nuqqas ta’ ħlewwa ssib min fuq il-biskuttelli jidlek xi naqra ġamm tal-frott qabel jikolhom.

Qabel, kull forn tal-ħobż kien jagħmel il-biskuttelli u l-krustini u konna nixtruhom bl-użin jew bil-wieħed. Imma llum ftit għadek issib min jagħmilhom, ħlief dawk li jipproduċuhom biex ibiegħuhom ippakkjati fil-plastik. Imnalla jkunu huma biex nibqgħu niftakru t-togħma tajba tagħhom meta nbilluhom f’xi xarba sħuna.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN