Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Bizzilla

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Meta xi snin ilu konna mmorru Għawdex, speċjalment kif nitilgħu ir-Rabat, dejjem konna niltaqgħu max-xena ta’ xi mara bil-qiegħda f’xi triq għall-arja, wiċċha lejn il-ħajt bi trajbu mserraħ mal-ħajt iċċekċek iċ-ċombini b’ħeffa liema bħalha li lanqas jirnexxilek issegwi l-moviment tagħhom. Tinnota ħafna labar tar-ras imdaħħlin fit-trajbu u d-disinn ta’ xi “doiler” bil-ħajt idur magħhom.

Kultant taqla’ xi labra mit-trajbu u twaħħalha f’kuxxinett imdendel mat-trajbu stess. Kont niskanta kif dawn in-nisa jieqfu jitkellmu
bejniethom jew ma’ xi turist u xorta jibqgħu għaddejjin bil-ħeffa tas-swaba maċ-ċombini mingħajr ma jieħdu ebda żball.

Xi ħadd kien qalli li l-bizilla li tara tinħadem fit-triq ma tkunx l-aktar waħda fina. L-aktar bizzilla fina tinħadem fid-dar biex la juru d-disinn, la lil min qegħdin jaħdmuha u fl-istess ħin li ma jmurx ikun hemm xi ħadd jisħethielha. Ħafna drabi l-biċċiet kbar ta’ xogħol tal-bizzilla jkunu għal xi sinjura u mara tal-bizzilla ma tkunx trid turi lil xi oħra bħalha lil min qiegħda taħdem.

U la qegħdin nitkellmu dwar Għawdex, ta’ min jgħid li fis-seklu dsatax, tfajla Għawdxija jisimha Marianna Attard skopriet kif taħdem disinn magħmel mis-salib tal-Kavallieri u xi werqiet madwaru, disinn li jissejjaħ il-Moska. Minkejja li mietet żagħżugħa dan ix-xogħol tkompla għaliex laħqet għallmitu lil tfajliet u nisa oħrajn.

Maż-żmien fl-istorja daħal ukoll Dun Ġużepp Diacono, qassis Għawdxi li waqqaf skola industrijali biex ix-xogħol tan-nisa Għawdxin jkun jista’ jinbiegħ barra minn pajjiżna. Kien Arċipriet ix-Xagħra u l-iskola fetaħha hemm. L-iskola kienet bla ħlas, ix-xogħol kien jinbiegħ u l-qliegħ jinqasam bejn id-dar u l-istudenti nfushom.

Ħafna negozjanti kienu jsibu swieq ta’ bizzilla għall-ilbies speċjalment fl-Ingilterra. Fis-seklu għoxrin din l-iskola mxiet għar-Rabat Għawdex, imma ż-żminijiet kienu qegħdin jinbidlu. Il-moda tal-bizzilla bl-ilbies kienet qiegħda tonqos u allura d-domanda naqset.
U allura l-bizilla baqgħet biss għal xi souvenir, kif konna naraw qabel, kull meta konna mmorru Għawdex…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN