Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Boċċi u Żibeġ

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Kien żmien ieħor. F’idejn it-tfal ma kontx tara tablets u apparat teknoloġiku. Lanqas kienu għadhom jeżistu. Imma kull tifel u tifla kellhom il-kollezzjoni tagħhom ta’ boċċi u żibeġ. Is-subien kellhom xi kaxxa jew borża taċ-ċarruta mimlija bil-boċċi tal-ħġieġ trasparenti bi ftit kulur, u l-bniet kellhom iż-żibeġ. U minflok kienu jqattgħu il-ħin waħedhom ġewwa, kienu jfittxu li joħorġu barra u jfittxu lil sħabhom biex jilgħabu.

Karozzi ma kienx hawn daqs illum u allura t-tfal setgħu faċilment jilgħabu f’nofs ta’ triq. Is-subien kienu jilgħabu l-boċċi għalihom u l-bniet għalihom ukoll. Lanqas l-edukazzjoni ta’ bniet u subien f’daqqa ma kienet teżisti, ħlief fl-iskola tan-nuna.

It-toroq kienu battala mill-periklu… u kollha kont issibilhom xi ħofra ’l hemm u ’l hawn… anzi mhux waħda! Waħda mil-logħbiet tal-boċċi għas-subien u taż-żibeġ għall-bniet kienet tintlagħab f’xi ħofra. Jiftiehmu kemm se jilgħabu u kemm tfal se jieħdu sehem joħorġu dawk in-numru ta’ boċċi jew żibeġ. Jitpoġġew kollha fil-ħofra, imbagħad min imissu jilgħab imur “jixħet”. Is-subien kienu jsibu xi ħajt u jħabbtu l-boċċa li se jilgħabu biha mal-ħajt u jimmirawha biex jippruvaw iressquha kemm jista’ jkun lejn il-boċċi fil-ħofra. Wara li jixħet kulħadd, x’ħin jerġa’ jmissek tilgħab, kont tkompli tqarreb il-boċċa tiegħek lejn il-ħofra billi timbuttaha bis-saba’ l-kbir tal-id, dak li jgħidulu izzikkar, ġejja mit-Taljan azzeccare. Kif il-boċċa toqrob lejn il-grupp ta’ boċċi fil-ħofra, tirbaħ dawk il-boċċi li jkunu inqas minn xiber bogħod. U arah kulħadd jipprova jkabbar xibru biex jirbaħ aktar boċċi!

Il-bniet kienu jilgħabu l-istess logħba imma biż-żibeġ, bid-differenza li ma kinux jibdew jilgħabu billi jħabbtu żibġa mal-ħajt, imma jibdew jizzikkaw mill-bidu tal-logħba. Fi żmien San Martin dil-logħba kienet tintlagħab bil-ġellewż ukoll.

Logħba oħra mil-boċċi kienet li jitpoġġew il-boċċi miġbura kollha f’linja waħda u min imissu jilgħab jixħet boċċa oħra biex jipprova jifqa’ l-boċċi fir-ringiela. U kemm iċaqlaq jirbaħ.

Iż-żibeġ u l-boċċi kienu jkunu ta’ kull kulur. Kulħadd jiftaħar kemm għandu, u allura kemm irnexxielu jirbaħ. Mal-boċċi, s-subien kien ikollhom ukoll il-bunċ, boċċa isbaħ mhix trasparenti li kienu jużawha biex jixħtu jew jifqgħu biha.

Ma kellhomx apparat teknoloġiku, imma anki biż-żibeġ u boċċi, kienu jitgħallmu jissoċjalizzaw. U kienu anki jitgħallmu l-matematika… l-aktar meta tirbaħ u tinduna li tawk xi boċċa nieqsa!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN