Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Bolli

WAQT IL-KAFÈ … ma’ Joe Julian Farrugia

Karti żgħar, imdawrin bil-pizzi, b’xi stampa sabiħa, bil-kolla fuq wara, jeħlu fuq xi envelopp biex juru li min bagħtu jkun ħallas għas-servizz tal-pustier.

Minbarra f’każi fejn jintbagħtu ħafna ittri f’daqqa u minflok bolli jużaw timbru, kull meta nirċievu xi ħaġa bil-posta, dejjem ikun hemm xi bolla jew iktar. Kull bolla jkollha prezz u mill-isem tal-pajjiż fuqha nkunu nafu minn fejn ġejja dik il-posta.

Minkejja li konna taħt l-Ingliżi, Malta ħarġet l-ewwel bolla tagħha fit-tieni nofs tas-seklu 19, eżattament fl-1860. Kienet bolla ta’ nofs sold, jew aħjar sitt ħabbiet. U għall-bidu din il-bolla kienet tintuża biss għall-posta minn Malta għal Malta.

Min xtaq jibgħat xi ħaġa barra, xorta ried juża l-bolli Ingliżi bħal qabel. Imma maż-żmien din inbidlet u l-bolli Maltin bdew jixterdu mal-erbat irjieħ tad-dinja.

Malta minn dejjem kienet magħrfua għall-bolli sbieħ li toħroġ. U ħafna kollezzjonisti, kemm Maltin kif ukoll barranin, issibilhom bolli minn Malta fid-damma filatelika tagħhom. Dan għaliex l-aqwa artisti li kellna f’pajjiżna kienu afdati biex joħolqu l-bolli b’isem pajjiżna permezz tal-arti tagħhom.

Il-kollezzjonisti jkunu nies li l-bolli ma jixtruhomx biss għall-posta, imma jixtru settijiet ta’ bolli speċjalment fl-ewwel ġurnata tal-ħruġ tagħhom, fuq envelopp apposta biex iġemmgħuhom. U maż-żmien isiru jiswew il-flus! Infatti ġieli ssib xi bolla antika ħafna li tinbiegħ bi prezz għoli.

Ħarsa lejn xi kollezzjoni ta’ bolli Maltin malajr turik li għall-bidu kienu bil-flus Ingliżi, imbagħad saru bil-flus Maltin deċimali u dan l-aħħar inbidlu għall-Ewro.

Kont tara bolli anki fuq xi ktieb tal-kera, fejn kull meta titħallas il-kera kienet titwaħħal bolla fuq il-ktejjeb żgħir tal-irċevuti bħala xhud li tħallset it-taxxa fuq dak il-ħlas. Anki s-sigurtà soċjali għandha x’taqsam mal-bolli.

Infatti għadna sa llum ngħidu li meta nħallsu kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali, nkunu “ħallasna bolla”. Dan għaliex fl-imgħoddi s-sigurtà soċjali għal kull ħaddiem, bħall-kera, kienet tinġabar fuq ktejjeb u titwaħħal bolla għal kull kontribuzzjoni.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN