Bonġu Kafè
Kurżitajiet

Bormla

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Hija waħda mit-Tlett Ibliet tal-Kottonera, l-aktar belt ‘il ġewwa u l-akbar fost it-tlieta fuq in-naħa tal-Lvant tal-Port il-Kbir. Bħal sħabha fil-Kottonera hija belt imdawra bis-swar biex tilqa’ għall-attakki tal-għadu. Isimha x’aktarx li ġej minn Bir Mula jew Bur Mula li jfissru l-bir tal-Mulej.

Id-daħla kennija fil-baħar tal-port minn dejjem għamlitha post ta’ wens naturali għall-opri tal-baħar. Minkejja li swarha nbnew fi żmien il-Kavallieri, Bormla jidher li kienet abitata diġa fi żmien ħafna eqdem minn hekk. Wara li nbniet il-belt Valletta, l-Kavallieri riedu jsaħħu d-dħul lejn il-Birgu anki min-naħa tal-art u għalhekk il-Gran Mastru Zondadari ordna l-bini tas-swar ta’ Bormla. Minkejja li n-nies tal-post kienu u għadhom isejħulha Bormla, dan il-Gran Mastru beda jsejħilha Città Cospicua.

Il-Kavallieri sabu f’Bormla l-aqwa post fejn jibnu t-tarzna tagħhom, bogħod minn kull qilla tal-mewġ, kennija min-natura u mħarsa mis-swar li kienu diġà bnew fil-madwar. Fl-1776 beda jinbena l-baċir fil-bajja li ta l-għajxien lil ħafna rġiel Bormliżi matul is-snin. Mal-miġja tal-Ingliżi f’Malta, nies baħħara min-natura tagħhom, tarzna hija l-ewwel ħaġa li fittxew f’artna, u komplew iżidu aktar baċiri anki fil-bajja ta’ viċin. Niftakru li fil-Gwerra tal-Krimeja u fl-Ewwel Gwerra Dinjija, Malta ma kinitx inviluta direttament, allura t-tarzna ta’ Bormla kienet fil-paċi biżżejjed biex tkun effiċjenti li tagħmel kull tiswija possibbli lill-vapuro inviluti f’dawk il-gwerer.

Naturalment it-Tieni Gwerra Dinjija kienet storja differenti, iżda xorta bil-bombi neżlin fuq il-ħaddiema tagħha, t-Tarzna xorta tat sehem kbir lill-bċejjeċ navali Ingliżi. Din il-gwerra kienet għamlet ħerba minn Bormla. Ħafna bini ġġarraf u ntilfu n-nies.

Bormla hija ddedikata lill-Kunċizzjoni u l-Bormliżi waqt il-gwerra riedu jħarsu lill-vara kif ukoll lill-kwadru titulari. Infatti dawn kienu ttieħdu Birkirkara imbagħad wara l-gwerra nġabu lura f’pellegrinaġġ bil-mixi sa Bormla. Ħafna bini madwar il-knisja kien waqa’ bil-gwerra. Maż-żmien il-bini ma nbeniex kollu biex illum il-knsija tidher anki minn ħdejn il-baħar, mix-xatt sabiħ li minn tarzna inbidel f’post mill-aktar rilassanti.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN