Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Caravaggio

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Nafuh bħala pittur li għex għal xi żmien f’Malta. Il-pittura li turi l-qtugħ ir-ras ta’ Ġwanni l-Battista hija meqjusa bħala l-kapolavur tiegħu u tinsab fil-Kon-Katidral tal-belt Valletta. Hija pittura mfittxija minn ħafna turisti.

Twieled fl-Italja ta’ fuq fl-1571. Ftit wara faqqgħet il-pesta u familtu sabet refuġju fir-raħal ta’ Caravaggio. Ismu propja huwa Michelangelo Merisi. Minħabba li qablu kien hemm artist kbir ieħor Michelangelo, lilu n-nies kienu jafuh b’isem ir-raħal tiegħu; Caravaggio.

Ma sabx ix-xorti mal-ewwel fl-arti. Minħabba li kien iħobb ipinġi l-affarijiet kif jarahom, bla xinxilli żejda u l-perfezzjoni xejn realistika li tant kienu invoga fir-Rinaxximent, kien jaqla’ ħafna kritika. Per eżempju jekk ikollu tuffieħa jew werqa li bdew jitħassru, kien ipinġihom kif inhuma, bis-sabiħ u l-ikrah tagħhom. Kienu anki jikkritikawh għax kien juża l-mudelli biex ipinġi.

Pitturi oħrajn, l-aktar minħabba l-għira, kienu jmaqdruh li l-użu tal-mudelli juri li ma kien kreattiv xejn. Kienu anki jagħtuh mill-agħar għax kien juża bħala mudelli nies tat-triq; tallaba, nies bla saqaf fuq rashom, lagħba u saħansitra prostituti. Tistgħu taħsbu x’għaġeb kienu jaqilgħu meta kien ipinġi xi Madonna u l-mudella tkun prostituta!

Caravaggio ma kienx tajjeb biss biex ipinġi. Kien dilettant bl-użu tax-xabla. Kellu karattru nervuż u kien jidħol fl-inkwiet spiss, speċjalment meta kien isib min jikkuntrarjah fuq xi pittura li jkun lesta. F’żgħożitu ttanta xortih f’Ruma, fejn kien hemm l-aqwa esponenti tal-arti ta’ żmienu. Beda jsir famuż u jiġbed l-għira fuqu. Imma inċident li fih spiċċa qatel raġel ġiegħlu jaħrab minn Ruma. Bil-għajnuna ta’ xi ħbieb, nobbli u mhumiex, mar Napli.

Xtaq jaqla’ l-maħfra tal-Papa rigward id-delitt li kien wettaq u dan seta’ jagħmlu jekk isir kavallier. Allura ġie Malta, sar ħabib tal-Gran Mastru Wignacourt u fil-fatt sar Kavallier. Imma minħabba ġlieda ma’ kavallier ieħor spiċċa l-ħabs ta’ Sant Anġlu. Jingħad li minn hemm tħarrab u mar Sqallija u xi postijiet oħrajn fl-Italja sakemm miet ta’ 38 sena.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN