Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Ċeklem Karozzin

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ċeklem, ċeklem, karozzin… żgur kulħadd jaf ikantaha u żgur kulħadd jaf il-bqija tal-kliem. U għalkemm ħafna mid-diski tal-Greenfields huma dwar affarijiet li llum f’pajjiżna sparixxew, il-karozzini, sa issa, għadhom jeżistu. Jezistu speċjalment għat-turisti li jkunu jixtiequ rikba b’mezz tradizzjonali Malti, jew inkella għal f’xi tieġ li fih l-għarajjes jagħżlu li jużaw il-karozzella għalihom u l-karozzini għax-xhieda u l-
ġenituri.

Fl-imgħoddi l-karozzin kien jintuża iktar min-nies tal-lokal. Ma kienx il-karrettun li r-raħlin jużaw ta’ kuljum. Ħafna nies ma kellhomx karozza u minflok kellhom żiemel jew ħmar u karrettun biex iġorru ’l-familja għal xi ħarġa, jew biex iġorru l-affarijiet tax-xogħol. Il-karozzin kien aktar qisu taxi. Meta xi ħadd ried imur minn post għll-ieħor u ma kellux biex imur, kien jordna karozzin. Fi żmien l-Ingliżi, qabel daħlu l-karozzi, anki l-baħrin u l-fizzjali kienu jmorru minn post għall-ieħor bil-karozzin.

Il-ħoss tal-karozzin inbidel. Waqt li dari n-nagħal taż-żiemel ma tantx kien jagħmel ħoss fuq it-trab tal-art, mindu daħal l-asfalt u t-tarmak, tisma’ ż-żiemel tal-karozzin ġej anki minn kantuniera bogħod. U la qegħdin nitkellmu fuq il-ħoss, ma rridx ninsa l-ħoss tal-qanpiena, qisu l-ħorn li ndoqqu meta bil-karozza naslu f’xi kantuniera. U tal-karozzini ma jdoqqux il-qanpiena biss f’xi kantuniera. Illum idoqquha wkoll
meta jaraw xi koppja turisti fuq xi bankina forsi jħajruhom jieħdu rikba. U mhux hekk biss… isejħulhom u jħaruhom bil-kelma “cabby!” Cabby ġejja mill-kelma horse cab, karozzin bl-Ingliż.

Fl-imgħoddi mhux waħdiet biss kienu jużaw il-karozzin f’xi tieġ. Qabel il-miġja tal-karozzi, kien l-uniku mezz li stajt tuża… u mhux f’tieġ biss. Meta f’xi funeral kienu għadhom jużaw il-karozzella tal-mejtin,
għall-qassis u għallqraba kienu jikru l-karozzini.

Semmejt ħafna l-użu tal-karozzin għall-bniedem. Ma rridx ninsa liż-żiemel. Żgur li le! Kemm hu importanti niftakru li dak ħlejqa bħal kulħadd. Jagħmlu sigħat sħaħ weqfin bla ma jistgħu jistrieħu minħabba l-irbit mal-karozzin! U minkejja li saru diversi tined, jiddispjaċini nara żwiemel jistennew f’xemx taqli… jekk ma jkunx hemm xi karozza pparkjata taħt it-tinda wkoll!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN