Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Chadwick

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Il-wied ta’ wara l-Imtarfa sabiħ wisq. Jismu Wied il-Qlejgħa. Minn dejjem kienet tgħaddi minnu kwantità ta’ ilma mill-għoljiet tal-qrib fi triqitha lejn il-baħar u tgħaddi minn Wied Speranza u Wied il-Għasel fil-Mosta u fl-aħħar fl-inħawi tas-Salini. Fuq iż-żewġ naħat tal-wied hemm għelieqi tassew għammiela u pittoreski.

Imma ħasra daqs dak ilma jinħela fil-baħar. U din mhix xi ħaġa li nħossuha llum biss. Aktar minn mitt sena ilu, meta Malta kienet għadha taħt l-Ingliżi, kien tqabbad perit Ingliż jismu Sir Osbert Chadwick biex jippjana numru ta’ ħitan biex l-ilma jieqaf fil-wied u jkun jista’ jintuża għat-tisqija minflok jinħela fil-baħar. Infatti tard fis-seklu dsatax inbnew dawn il-ħitan, wieħed tiskula għall-ieħor, biex jiffurmaw għadajjar żgħar tul il-wied. U minħabba l-perit li ddisinnjahom u l-fatt li f’Malta għadajjar m’għadniex, semmewhom Chadwick Lakes, l-Għadajjar ta’ Chadwick. L-għelieqi tal-madwar sbieħu aktar minn qabel għaliex il-bdiewa sabu ilma kemm iridu matul l-istaġuni tal-produzzjoni tagħhom.

Anki l-post innifsu sar attrazzjoni għaliex il-veġetazzjoni tal-post setgħet tiffjorixxi ħafna aktar minn qabel. Ċerti ħitan inbnew imtarrġin u allura meta tkun għamlet xi ħalba xita tajba, l-ilma jaqbeż minn tarġa għall-oħra jkun fih mitt gost, anki bil-ħoss tal-ilma ġieri nnifsu. Infatti ħafna jkunu l-familji li jmorru jqattgħu il-ħin tal-mistrieħ fit-trankwillita tal-post.

Maż-żmien f’Wied il-Qlejgħa bdew jikbru pjanti, insetti u żrinġijiet, uħud indiġeni għall-post. Anki siġar kbar insibu jikbru f’nofs il-wied. Infatti fix-xitwa ż-żkuk ħoxnin tagħhom jiżbukkaw minn wiċċ l-ilma, imma fis-sajf tinkixef l-art ta’ taħthom.

Ħasra li fl-aħħar snin, xi ħadd jew uħud irresponsabbli tefgħu fl-ilma speċi aljeni għal Malta, ħlejjaq eżotiċi li forsi dejquhom id-dar u ħelsu minnhom hemmhekk. U hawn ħafna nies li l-ewwel jieħdu gost b’xi annimal, imbagħad biex ma jaħlux aktar ħin jieħdu ħsiebu malajr jeħilsu minnu. Dawn l-ispeċi qegħdin jieklu kull marżebb jew żrinġ li jaraw, tant li qegħdin jonqsu wisq!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN