Radju Kafé
Kurżitajiet

Charles Clews – wieħed mill-aħjar atturi komiċi Maltin

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Mhux soltu li fil-blog nikteb dwar persuna waħda. Imma dan ħaqqu. Dwar Charles Clews ktibt għat-televixin, għar-radju u anki fil-kotba Għamlu Isem. Bħal-lum 10 snin ilu kien miet u ftit xhur oħra jagħlaq 100 sena mit-twelid.

Niftakru minn meta kont żgħir bil-programmi fuq ir-Radju ta’ Malta. Jidhirli kien jisimhom L-Umoristi ma’ għadd ta’ atturi komiċi ta’ żmienu. Imma Charles kien ilu li beda qabel niftakar jien.

Ma kellux xi tfulija ideali. Missieru kien abbanduna l-familja u u l-ħajja bla missier xejn ma kienet faċli. Xtaq isir perit imma kien jeħtieġ joħroġ jaħdem għall-familja u daħal it-tarzna. Kien żmien il-gwerra u t-tarzna kienet waħda mill-miri tal-ajruplani tal-għadu. U kien propju hemm li beda l-karriera tad-divertiment, imma dwar hekk nitkellmu darba oħra.

Charles kiteb ħafna. Kiteb artikli għall-gazzetti, kummiedji, limerikki, makjetti, kotba, novelli u anki priedki tal-Milied. Għall-bidu kien jikteb kollox bl-idejn. Per eżempju jekk jikteb farsa, fi żmien meta ma kienux jeżistu fotokopji, skript kien ikollu jiktbu aktar minn darba biex iqassam kopja lil kull attur involut. Maż-żmien, Charles beda juża t-typewriter, iżda xorta kien ikollu jittajpja kopji skont kemm atturi se jkollu fuq il-palk.

Charles kien wieħed mill-aħjar atturi komiċi li qatt ipproduċiet Malta. Kien stand-up comedian prim, jippjana li se jagħmel intervent ta’ għaxar minuti, imma kif jara li l-udjenza trid, kien jibqa’ għaddej u jagħmillek xi siegħa jirrakkonta ċajta wara l-oħra bl-udjenza ma tridux jieqaf.

Kien magħruf u mfittex għaċ-ċajt tiegħu fuq il-kunjata. Fil-fatt, iżda, Charles u l-kunjata tiegħu kienu jinġiebu ħafna. Charles tilef lil ommu meta kellu biss 17-il sena u tista’ tgħid li l-kunjata rabbietu.

Għandi tifrikiet sbieħ ta’ Charles. Fil-kitbiet tiegħi, kull meta kont se nikteb fuq xi wieħed minn sħabu, Charles dejjem laqgħani u tani ħafna u ħafna tagħrif. Ġieli ltqajna t-triq prinċipali tal-Fgura, nimxu mixja u ħallih jirrakkonta. Darba ltqajna wkoll fil-villeġġjatura li kellu Wied il-Għajn.

L-aħħar li rajtu kien inkwetat ħafna. Qalli li kienu daħlu jisirqulu d-dar u lil martu Annie kienu tawha qatgħa kbira. Kien inkwetat tassew.

L-akbar sodisfazzjon meta nitkellem dwar Charles hu li wliedu ħadu ħsieb li xogħol missierhom ma jintilifx. Ibnu Alan ġabar kollox bil-galbu u jalla xi darba l-istat joffri post xieraq fejn dawn il-memorji ta’ Charles u atturi oħrajn ta’ żmienu jinżammu għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.

Insellimlek Charles.

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN