Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Daħħal Naqra Melħ

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Meta konna żgħar u nkunu għamilna xi ħmerija, malajr konna nsibu xi ħadd mill-adulti jgħidilna “Daħħal naqra melħ f’rasek! Mela se nibqgħu tfal?” Il-melħ jissimbolizza l-għerf, il-maturità. Kien hemm żmien fl-imgħoddi meta l-melħ kellu postu fin-negozju bħalma llum nużaw il-flus.

Il-melħ huwa wieħed mill-ftit riżorsi naturali li għandna f’Malta u Għawdex. F’pajjiżna ilu jinġabar sekli sħaħ u jingħad li fi żmien il-Kavallieri kienu jesportaw il-melħ tagħna lejn il-bqija tal-Ewropa fejn kien iġib stima kbira minħabba t-togħma tajba tiegħu. Il-melħ jinġabar permezz tas-salini. Dawn ikunu ħifriet baxxi, kważi ċatti, li jitħaffru viċin il-baħar biex meta jkun qawwi jimtlew bl-ilma baħar, imbagħad dak l-ilma jinxef bix-xemx waqt il-bnazzi u fihom jifdal biss il-melħ wara li jkun ixxotta l-ilma kollu.

Imbagħad il-ħaddiema tal-melħ joborxuh u jiġbruh għall-konsum. Hija tradizzjoni u ħidma li ilha ssir ħafna. Hemm familji sħaħ li kienu jkunu impenjati fis-salini biex jiġbru l-melħ, ibiegħuh u jaqilgħu il-ħobża ta’ kuljum permezz tiegħu.

Qrib Burmarrad insibu post li jismu s-Salini. Hemm insibu l-akbar salini f’Malta, dawk li kienu ddisinnjati mill-periti tal-ordni. Hemmhekk insibu anki mħażen kbar fejn jinħażen il-melħ qabel joħroġ fis-suq. Imma lhux hemm biss. Salini żgħar u tradizzjonali nsibuhom f’ħafna nħawi oħrajn f’Malta, f’Għawdex u saħansitra f’Kemmuna. U jekk naħsbu li s-Salini biss huwa post imsemmi għal din it-tradizzjoni sejrin żbaljati. Il-kelma salina hija kelma romanza u ġejja minn sale bit-Taljan. Imma salina bis-semitiku tiġi mellieħa… u allura l-Mellieħa msemmi għalhekk ukoll.

Jekk meta konna tfal kienu jgħidulna ndaħħlu naqra melħ f’rasna, min jifhem fit-tisjir jgħidilna ndaħħlu naqra melħ fil-borma wkoll. Jagħmel togħma tajba wisq u meta ma jintużax b’mod esaġerat, borma tajba ma tgħaddix mingħajru. Fil-Mediterran għandna ċerti prodotti naturali li jsiru bil-melħ, bħalma huma ż-żebbuġ u l-kappar.

Fuq kollox, fuq kull mejda suppost li dejjem ikun hemm il-bżar u l-melħ… u jekk ikun melħ ta’ Malta għandek garanzija ta’ togħma mill-aqwa… naturalment jekk ma tkunx tbati bil-pressjoni għolja!

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN