Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

DOMINIC GRECH (it-tieni parti)

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Dominic Grech iżżewweġ lil Pauline Ellis. Kienu ltaqgħu f’wieħed mid-dances fejn kien ikanta hu. Kien żewwiġhom l-Isqof Nikol Cauchi u daqqewlhom it-Tramps stess.

Huma għandhom erba’ subien: George, Christian, Richard u Mark. Lil George, Dominic riedu jdoqq il-pjanu imma ma riedx. Christian kien jipprova jkanta imma missieru stess tah parir jieqaf. Richard u Mark idoqqu t-tnejn u daqqew anki fl-okkażjoni taż-żjara ta’ Papa Benedittu XVI f’Malta.

Mat-Tramps Dominic kien xtara kitarra Gibson Les Paul sewda u kienet attrazzjoni għad-dilettanti kollha Għawdxin. Fid-dances, meta kien jispiċċa jdoqq, missier Dominic kien ikun pront imur joħodlu l-kitarra biex jibżagħlu għalija.

Fost il-kanzunetti kollha li kiteb Dominic, Xemx tibqa’ l-aktar waħda popolari. Meta kitibha semmagħha lill-għarusa Pauline u qalilha li dik kitibha għaliha u għal Santa Marija.

Kienet ħarġet fuq it-tikketta Circle mid-ditta Brizzi fl-1975. Tant baqgħet f’qalb il-pubbliku li spiċċat tkantat anki f’Rockestra minn Ivan Grech fuq arranġament tan-neputi ta’ Dominic, is-Surmast Josef DeBrincat. Dominic anki rock opera kiteb bl-isem ta’ Pawlu 2000 bi kliem ta’ Ġovann Cauchi.

Dominic Grech kien iħobb in-negozju. Kien iġib il-pjanijiet minn barra u jbiegħhom. Kien anki pprova jġib karozzi jaħdmu bl-elettriku, iżda nduna li mhux se jkollu suq għalihom.

Imma l-aktar negozju li rnexxielu dik dak tar-restorant f’Marsalforn: L-Arzella. Kien jagħmel li hemm bżonn fih, anki jsajjar. Imma fl-aħħar tas-serata dejjem kien joħroġ idoqq u jkanta lill-klienti.

Meta kien idoqq Xemx dejjem kien jgħid lin-nies li dik iddedikata lil martu. Ħafna drabi Pauline kienet tinzerta hemm, ma tantx kienet tieħu gost: “Toqgħodx tgħidilhom li dik għalija għax nistħi!” kienet twiddbu.

Illum ir-restorant jieħu ħsiebu Christian. Minbarra jsajjar, Dominic ġieli kien joħroġ jaqbad il-ħut ukoll. Darba xtara speedboat u meta kien qiegħed ivaraha, kif waslet biex tmiss mal-ilma, inqata’ l-ħabel u Dominic baqa’ nieżel il-baħar b’kollox. Dakinhar daħket bajja sħiħa u lanqas uliedu ma qagħdu lura.

Dominic kien bniedem kalm ħafna. Sħabu drawh li dejjem imur idoqq tard. Anzi ġieli kellhom xi tieġ fejn idoqqu, nesa’ jgħidilhom u ċemplilhom malajr malajr meta t-tieġ ikun beda. U minkejja li tard, ara ma taħsibx li kien jippanikkja!

Dominic kien ħabib ta’ Richard Branson tal-Virgin Group, fosthom kumpanija tad-diski u linja tal-ajru. Branson ġieli ġie Għawdex, mar għand Dominic u kien anki juża l-karozza tiegħu sakemm dam f’pajjiżna.

Fis-snin sebgħin, it-Tramps marru jdoqqu l-Kanada darbtejn. Hemmhekk irrekordjaw il-kanzunetta Malta u Għawdex dwar l-emigranti Maltin.

Meta waslu biex jitlqu bl-ajru mill-Kanada lejn l-Istati Uniti, l-uffiċjali tal-ajruplan indunaw b’bagalja suspettuża maġenb Spiro Sillato. L-isteward staqsa ta’ min kienet u ma wieġeb ħadd.

Qam xi ftit tal-paniku għax kien żmien li t-terroriżmu kien komuni, sakemm wara xi minuti li dehru sekli, tfaċċa wieħed daqsxejn skantat u qal li kienet tiegħu. M’hemmx għalfejn ngħidu kif ħadu kulħadd. U t-Tramps weġbuh bil-Malti… anzi bil-Għawdxi!

It-Tramps marru wkoll l-Awstralja fl-1981 idoqqu lill-Maltin ta’ hemmhekk. Dominic kien talab lil Charles Clews jagħtih xi ċajtiet biex jirrakkuntahom waqt il-kunċerti. Iżda jekk Dominic kapaċi għal ħafna affarijiet, biex jirrakkonta ċ-ċajt ma kienx. L-udjenza ma daħkitx. Daħku biss sħabu… bih!

Dominic mar il-Brażil jgħin lil Dun Jimmy Xerri fil-missjoni. Kif ġie lura ma ħassux tajjeb. Forsi kien ħa xi virus mill-Brażil? Iżda ma kienx hekk. Għamlulu t-testijiet u sabu li kellu marda qerrieda.

Il-karattru tiegħu beda jinbidel ftit ftit. Beda jinsa ħafna, tant li ġieli mar ikellmu Freddie Portelli u ma għarfux.

L-aħħar li daqq kien fil-knisja tan-Nazzarenu f’Tas-Sliema ma’ wliedu Richard u Mark.

Fl-aħħar festa ta’ Santa Marija għalih, Pauline ħaditu għand xi qraba biex jara l-purċissjoni. Kif waslu ħdejh, dawwrulu l-vara lejh, qalilha “Xemx wisq sabiħa. Idħol għalija int”, u nfaqa’ jibki.

Dominic Grech miet nhar it-23 ta’ Awwissu tal-2005 fl-eta ta’ 55 sena.
Tilfitu l-familja u tilfuh it-Tramps. Kienu jippruvaw idoqqu u jkantaw Xemx, imma jkollhom jieqfu f’nofsha.

Kif jgħidu huma stess: No Dominic, no Tramps. Fuq kollox tilfu Għawdex. Il-gżira li hu sejħilha djamant, kienet tilfet djamant minn tagħha…

 

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN