Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

DOMINIC GRECH (l-ewwel parti)

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Hawn min isejjaħ lill-gżira t’Għawdex bħala tat-tliet għoljiet, issib min isejħilha ta’ Calypso, imma l-grupp The Tramps isejħilha djamant.

Il-kanzunetta Inti Djamant mhix uffiċjalment l-innu t’Għawdex, iżda għall-Għawdxin hekk hi. U meta jkunu bogħod minn pajjiżhom xejn ma jfakkarhom f’art twelidhom daqs Inti Djamant u l-vuċi ta’ Dominic Grech.

Dominic Grech twieled nhar it-3 ta’ April tal-1950 fl-inħawi magħrufa bħala l-Mandraġġ fir-Rabat Għawdex. Il-Mandraġġ huwa sensiela ta’ toroq dojoq viċin il-knisja ta’ San Ġorġ.

Missieru u ommu, Ċikku u Marija mwielda Fenech, kellhom 5 ulied; Antoinette, Alfred, Dominic, Ġorġ u Natalina. Dominic kien it-tielet wild.

Missierhom Ċikku kien jorganizza t-tiġrijiet tal-bhejjem nhar il-festa ta’ Santa Marija fit-telgħa prinċipali tal-belt Victoria. Wara żmien it-tiġrijiet beda jorganizzahom ibnu Ġorġ.

Il-familja Grech tant kienet akkanita għall-festa ta’ Santa Marija, li kellhom tliet aħwa jdoqqu mal-Banda Leone; Alfred kien idoqq il-klarinett, Dominic is-sax sopran u Ġorġ il-kurunetta. Naturalment dan ifisser li kollha kienu jħobbu l-mużika wkoll.

Meta kien żgħir, Dominic xtaq li jixtrulu pjanu. Iżda missieru ma felaħx għal spiża bħal dik u minflok xtrawlu kitarra u tgħallem idoqqha ma damx.

Bħal ħafna żgħażagħ Għawdxin, kien jiffrekwenta l-Oratorju Don Bosco fir-Rabat. Kien iċ-ċentru tal-attivitajiet kulturali f’Għawdex u kienu anki jorganizzaw il-festivals.

Dominic ħa sehem fl-ewwel festival meta kellu xi 11-il sena fit-teatru tal-istess Oratorju. Dakinhar kanta l-kanzunetta La Novia ta’ Domenico Modugno u rebaħ.

Minbarra festivals, hu u jitfarfar aktar, Dominic kien anki jdoqq il-kitarra fl-istess Oratorju meta kienu jagħmlu xi quddiesa bil-kitarri, xi ħaġa li dak iż-żmien f’Għawdex mhux kulħadd aċċettaha mal-ewwel. Dominic kien għallem il-kitarra lil ħabibu Spiro Sillato biex idoqq miegħu.

L-ewwel grupp li kellu Dominic kien wieħed vokali bl-isem ta’ The Rosebells. Kienu grupp ta’ ġuvintur mill-istess inħawi u kollha kienu għadhom imorru l-iskola. Dominic kellu wkoll lil ħuh Alfred fil-grupp.

Dak iż-żmien l-aktar kanzunetti barranin li kienu jisimgħu id-dilettanti Maltin kienu jkunu dawk mill-festival ta’ San Remo.

The Rosebells kienu jkantaw dawk it-tip ta’ kanzunetti. Iżda televiżjoni ħadd mill-familji tagħhom ma kellu. Allura l-membri tal-grupp kienu jmorru għand xi ħadd li għandu sett tat-televiżjoni biex isegwu l-festival u jkantaw bħalhom.

Minkejja li The Rosebells kien grupp vokali, l-aħwa Grech ġieli daqqew mal-grupp l-istrumenti li kienu jdoqqu fil-banda.

Darba f’żogħżitu, Dominic għamel waħda tinkiteb. Kien ilu jitħajjar imur joqgħod għand zijuh l-Ingilterra forsi jsib xi opportunità jkanta hemm. Il-ġenituri tiegħu ma rieduhx isiefer.

Għalhekk, bla ma qal xejn lil ħadd, darba qam filgħodu kmieni qabel kulħadd, ħareġ bil-bagalja inkiss inkiss u telaq waħdu. X’ħin qam kulħadd, Ċikku staqsa fejn hu Dumink, iżda ħadd ma kien jaf. Wara li għaddew xi sigħat, ċempillu Dominic stess mill-Ingilterra. Tgħidx x’kien għamel Ċikku dakinhar!

Fl-Ingilterra, Dominic kien ikanta anki fil-lukandi, imma wara xi sena reġa’ lura lejn Għawdex. Qrabatu bilkemm għarfuh għax ġie lura bid-daqna u xagħar daqsiex!

Ħafna qalulu jaqta’ xagħru iżda Dominic ma riedx jaf. Ommu anki qassis marret tkellem forsi jħajru jaqtgħu, iżda Dun Alan tal-Katidral t’Għawdex weġibha: “Gustuż tant! Il-Bambin mhux xagħru twil kien ukoll?”

Darba oħra, Dominic ġietu tajba… għax setgħet ġietu ħafna agħar. Ried karozza Spitfire u missieru xtrahielu. Darba kien il-Wilderness, night club f’Għawdex, u ħareġ tard bil-lejl mill-istabbiliment.

Hu u jsuq lura ħabat ma’ siġra u bid-daqqa l-magna minn quddiem ġiet wara. Kellu zijuh pulizija u mar javża lil tad-dar. Serrħilhom rashom iżda li ma kienx weġġa’ serjament.

It-tieni grupp mużikali li kellu Dominic kien jismu Gemini 5. Dan ma kienx biss grupp vokali iżda strumentali wkoll. Kienu daqqew l-ewwel darba fil-ġnien ta’ Villa Rundle fir-Rabat u kienu jdoqqu regolarment fid-dances, daqqa l-Astra u daqqa l-Aurora.

Il-provi kienu jagħmluhom f’garaxx wara s-sur taċ-Ċittadella. Kienu jmorru hemm, jieħdu xi flixkun inbid magħhom u ħallihom xi ħames jew sitt sigħat idoqqu.

Il-grupp ta’ Dominic Grech sar jismu The Tramps meta daħal imexxihom Ġorġ Said magħruf bħala d-Dias. L-isem Gemini 5 ma kienx jogħġbu u bidluh.

Baqgħu fil-grupp Dominic u Joe Cassar, li jdoqq il-keyboards. Ingħaqdu magħhom Spiro Sillato li beda jdoqq il-bass u Mario Ruggier fuq id-drums. Meta Mario emigra lejn il-Kanada, daħal Karmenu Portelli minfloku.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN