Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Dragut

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ma tantx narawh ħelu wisq. Kull min tgħallem xi naqra l-istorja ta’ pajjiżna jaf li dan kien ġie biex ikissirna. U minflok kisser lilna spiċċa tkisser hu… u lanqas telaq lura ħaj.

Twieled fl-Asja Minuri fl-1485. Meta kien għadu żagħżugħ innutawh kemm kien tajjeb għall-vleġeġ u l-lanez u tawh it-taħriġ meħtieġ fl-armata fuq il-vapuri tal-Imperu Ottoman li dak iż-żmien kien fl-aqwa tiegħu. Huwa malajr tgħallem u sar baħri ta’ esperjenza, mgħallem fl-isparar u fit-teknika tal-assedji.Maż-żmien sar il-biża’ tal-għedewwa u qabel ġie għall-Assedju l-Kbir kien diġà ħabbat lill-Kavallieri tal-ordni kemm-il darba.

Wara li kien inħatar Gvernatur ta’ Ġerba fit-Tuneżija, kien inqabad mill-għedewwa f’Korsika u ntbgħat anki jaqdef għal 4 snin sħaħ fuq ix-xwieni tal-Insara, qabel intefa’ l-ħabs f’Ġenova. Barbarossa kien anki offra somma flus kbira biex Dragut jinħeles imma t-talba tiegħu kienet irrifjutata. Maż-żmien kienet aċċettata u Dragut inħeles biex ikompli jaqdi lill-forzi Ottomani.

Iġġieled ħafna gwerer u assedji sakemm wasal l-Assedju l-Kbir ta’ Malta. Kellu 80 sena, bla dubju kellu esperjenza enormi imma ta’ dik l-età ma tistenniex li xi ħadd imur għall-ġlied. Imma Dragut ma kienx jaqta’ qalbu… imma qatgħuhielu fuq gżiritna.

Kien ġie biex jassedja lil Malta fl-1565 u ġab miegħu eluf ta’ gwerrieri fuq il-bastimenti. Waqt wieħed mill-attakki fuq il-forti Sant Iermu, l-uniku post li rebħu t-Torok f’Malta, Dragut kien qed imexxi l-armata tiegħu mill-ponta ta’ Tignè. Waqt l-attakk li ħa diversi ġranet, fis-17 ta’ Ġunju, balla sparata minn Sant Iermu laqtitu għall-mewt.

Ħaduh fil-kampijiet li l-armata Torka kienet tellgħet fil-Marsa u hemm Dragut miet 6 ijiem wara. Naturalment, lil bniedem bħal dak, sħabu ħaduh lejn Tripli għad-difna.

Fejn intlaqat f’Tignè illum ma jingħarafx. Telgħu blokki ta’ bini għoli u hemm joqgħodu nies ta’ kull ġens, fosthom Misilmin bħal Dragut.
U bilħaqq, fil-post fejn miet il-Marsa jgħidu li hemm dar li fiha għadu jidher. Tgħid veru?

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN