Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Dun Ġorġ

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Minkejja li sar qaddis, bħala Malti bħalna xorta bqajna nirreferu għalih bħala Dun Ġorġ, speċjalment dawk li għexu fi żmienu. Lanqas b’kunjomu. Għadek tisma’ xjuħ li ma jsemmulekx Preca, imma jirakkuntaw meta fi tfulithom kienu xi darba ltaqgħu ma’ Dun Ġorġ.

Minkejja li dak iż-żmien, f’ħajtu, żgur ma kienx iddikkjarat uffiċjalment bħala qaddis, u lanqas raġġiera ma kellu, in-nies ta’ żmienu kienu jqisuh bħala qaddis. Infatti kull min jirrakkontalek dwaru, tinduna li minkejja kemm ġrajjiet ikun għadda minnhom dak li jkun, dik id-darba li ra jew iltaqa’ ma’ Dun Ġorġ jibqa’ jiftakarha ħaljtu kollha.

Tisma’ ħafna stejjer dwar nies li ltaqgħu miegħu meta kienu tfal u l-qassis kien imur iżur iċ-ċentri tad-duttrina. Mhux żgur kienu jkun kellmuh, probabbli semgħuh ikellem lit-tfal kollha f’daqqa, imma xorta dik il-ġrajja jibqgħu jiftakruha… għax kien meqjus bħala qaddis… ħafna qabel iddikkjarah il-Vatikan. Kien qisu bniedem famuż mill-istorja, imma minflok mill-passat, għal dak iż-żmien kien fil-preżent ukoll.

Il-bijografija ta’ Dun Ġorġ kulħadd jafha, il-kwotazzjonijiet tiegħu kulħadd jafhom ukoll, għalkemm issib min jikkwotah jgħid affarijiet li jnisslu dubju, speċjalment dwar personaġġi oħrajn ta’ żmienu!

Imma bogħod mir-rakkont tal-ħajja tiegħu, huwa notevoli kif Dun Ġorġ ried joffri edukazzjoni lill-poplu. Kien żmien meta kien hawn ħafna qgħad, tfal jiġru fit-triq minflok l-iskola u injoranza. Bla dubju, bħala saċerdot, ried jagħti tagħlim ta’ natura reliġjuża. U fforma l-Mużew, b’ħafna tfixkil, anki mill-knisja nnifisha. U f’nofs dan it-tfixkil, xorta baqa’ ubbidjenti u umli.

Meta waqqaf il-Mużew, ingħaqdu miegħu għadd ta’ soċi, kollha ħaddiema tal-id. U ma kienx faċli tkun parti mill-Mużew. Ma stajtx tkun miżżewweġ, jew ikollok għarus jew għarusa. L-irġiel kienu jagħlqu l-buttuni tal-qmis sa fuq u ma setgħux jilbsu ingravata. Fil-bidu n-nisa kienu jilbsu l-għonnella. Kollha, irġiel u nisa, kienu jilbsu ċ-ċomba, speċi ta’ badge tal-Mużew bil-kliem Verbum Dei Caro Factum Est, li tfisser li l-kelma t’Alla saret bniedem. U fi knisja kienu joqgħodi mifrudin, l-irġiel fuq naħa tal-knsija u n-nisa n-naħa l-oħra.

Illum l-affarijiet inbidlu, imma l-wirt ta’ Dun Ġorġ jibqa’ parti importanti mill-istorja ta’ pajjiżna.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN