Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Dun Karlu Manché

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Il-Gżira dejjem isemmu qassis partikolari… li miet żmien ilu, li kulħadd kien iqisu bħala qaddis. Jien ma niftakrux imma isma’ llum u isma’ għada, malajr issir taf ħajtu.

Karlu Manché twieled fit-22 ta’ Settembru 1905 fil-Belt Valletta. Missieru kien speċjalista tal-għajnejn. Beda juri li kien tajjeb fl-iskola minn kmieni u minbarra li tgħallem għadd ta’ lingwi kien ukoll mużiċist. Fil-familja Manché kien hemm ħafna qassisin u Karlu ħa dik il-linja. Huwa ordna f’Settembru tal-1928 wara li studja fl-Universitajiet ta’ Malta u l-Gregorjana ta’ Ruma. Bħala qassis kien magħruf għall-prietki
tiegħu u kien hemm nies ifittxuh anki mill-bogħod.

Meta sar Kappillan tal-Gżira f’Marzu tal-1935, sab ma wiċċu mhux biss il-problema tal-faqar li kienet teżisti ma’ Malta kollha, imma sab ukoll il-prostituzzjoni. Fix-xatt tal-Gżira kien hemm ankrati vapuri tas-servizz Ingliż u kull filgħaxija l-baħrin kienu jinżlu jiddevertu fil-ħwienet ta’ quddiem il-baħar. Kien naturali, allura, li l-post ikun iffrekwentat mill-prostituti. B’mod speċjali meta waslet il-gwerra u ħafna Gżirjani telqu jsibu refuġju f’xi raħal ieħor, id-djar madwar ix-xatt tal-Gżira roħsu u aktar prostituti setgħu jixtru fejn joqgħodu b’faċilità.

Dun Karlu huwa magħruf li kien joqgħod nieqes hu biex jgħin lill-foqra, u speċjalment lill-prostituti biex jibdlu ħajjithom. Kien jixtrilhom xirjiet sħaħ biex ma jkollhomx għalfejn jaħdmu fil-prostituzzjoni. Uħud inbidlu, imma mhux kulħadd. Kien hemm min jieħu x-xirja imbagħad filgħaxija xorta joħorġu għax-xogħol. Dun Karlu ġieli ġie fl-inkwiet anki mal-pimps… kien hemm saħansitra min għamel għalih…
naturalment sabuh ta’ tfixkil hux!

Min-naħa l-oħra kien hemm baħrin stazzjonati fuq xi vapur max-xatt li kienu jmorru għandu għal xi parir. Il-karità ta’ Dun Karlu baqgħet sal-aħħar. Miet nhar it-18 ta’ Novembru 1950. Kellu biss 45 sena u jingħad li tant qassam kulma kellu li meta miet lanqas saqqu ma kellu. L-antiki tal-Gżira kollha jiftakru kemm kienu attendew nies għall-funeral tiegħu; politiċi, awtoritajiet, reliġjużi imma fuq kollox nies komuni,
sinjuri u foqra li għalihom ta kollox.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN