Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Emigrazzjoni

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Pajjiżna qatt ma kellu riżorsi naturali li jistagħnew lill-poplu. Il-ħaddiem Malti u Għawdxi dejjem għajjex lill-familja tiegħu permezz tal-ħidma. Mhux ta’ b’xejn ngħidu li l-aqwa u l-unika riżorsa f’pajjiżna hija dik umana. U fi żmien meta l-indistrija tax-xogħol kienet għadha mhix żviluppata, ħafna Maltin kellhom ifittxu futur f’pajjiżi oħrajn, postijiet fejn kellhom imorru bil-familja b’kollox.

Fiż-żewġ sekli li għaddew, l-emigrazzjoni kienet waħda mis-soluzzjonijiet l-aktar faċli għan-nuqqas ta’ xogħol. Fi żmien l-Ingliżi, meta l-imperu ħakkiem kien ikun f’xi gwerra kien ikun hawn ħafna u ħafna xogħol, imma x’ħin jitfaċċa żmien ta’ paċi kien ikun hawn biss qgħad, ħefa u ġuħ.

Fis-seklu 19, il-Maltin kienu jemigraw lejn postijiet qrib, fil-Mediterran, partikolarment lejn l-Alġerija, it-Tuneżija u l-Eġittu fl-Afrika ta’ Fuq, inkella lejn Marsilja fi Franza. Il-komunitajiet Maltin f’dawn il-pajjiżi tant għadda żmien minn fuqhom li tista’ tgħid saru parti mill-poplu tal-pajjiżi rispettivi u m’għadhomx jissejħu aktar komunitajiet Maltin.

Komunitajiet Maltin issibhom f’postijiet li kienu popolari mal-emigranti Maltin fis-seklu 20. Minħabba li t-trasport bil-baħar żviluppa maż-żmien, dawk li kellhom iħallu pajjiżna bdew ifittxu postijiet fejn kienu jitkellmu l-lingwa Ingliża. Malta kienet ilha taħt l-Ingliżi u allura ħafna Maltin, b’xi mod, kienu jifhmu l-Ingliż aktar minn kull lingwa barranija oħra. Bdew isiru popolari postijiet bħall-Awstralja, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada u l-Ingilterra stess. Il-Gvern kien jgħin lil dawn il-Maltin biex jitilqu, b’ċans li jsibu futur u fl-istess ħin jiffranka n-numri dejjem jiżdiedu tal-qgħad f’Malta u Għawdex. Kien jagħti sussidju qawwi fuq il-prezz tal-passaġġ biex dak li jkun aktar jitħajjar. Jingħad li ġieli anki banda kienu jibgħatu x-xatt biex issellem lill-Maltin iħallu art twelidhom. Kien hemm żmien meta l-vjaġġ lejn l-Awstralja kien jieħu 4 ġimgħat bil-vapur, u meta ngħalaq il-Kanal ta’ Swejz, anki 5 ġimgħat. Ma kinitx faċli li temogra, imma għal ħafna ma kien hemm ebda għażla oħra. Sa tmiem is-snin sittin, aktar minn kwart tal-popolazzjoni kienet emigrat.

Tammira l-fatt li ħafna minn dawn il-Maltin ta’ barra baqgħu iżommu t-tradizzjonijiet ta’ Malta u Għawdex.

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN