Radju Kafé
Kurżitajiet

Esklussiva: Xi ġralu Santa Klaws f’Malta dis-sena?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Wara li fil-lejl tal-Milied dar dawra mad-dinja jqassam ir-rigali lit-tfal, irnexxielna nikkuntattjaw lil Santa Klaws bit-telefon biex jagħtina xi kummenti dwar l-esperjenza annwali tiegħu. Ma kinitx ħaġa faċli għax kien hemm ħafna li xtaqu jkellmuh. Imma kif sema’ li aħna minn Malta, mal-ewwel aċċetta.

Qalilna li lil Malta jħobbha ħafna, speċjalment għax meta jkun iqassam ir-rigali, hawnhekk qatt ma jsib borra, u l-kesħa tagħna mhix kiefra bħal ta’ pajjiżi oħrajn. Lanqas ċmieni ma għandna fuq id-djar tagħna u allura f’pajjiżna ma jkollu qatt problema jgħaddi minnhom minħabba żaqqu.

Imma jekk ċmieni fuq id-djar m’għandniex, dis-sena sab skoll li qatt ma kien qiegħed jistenna. Hu u għaddej jittajjar fid-dlam tal-lejl iqassam ir-rigali fuq is-slitta tiegħu, baqa’ dieħel fi krejn kbir li s-sena ta’ qabel ma kienx hemm. Naturalment ir-renni, dawk iċ-ċriev li jġorruh b’ħeffa minn post għall-ieħor, bil-krejn ma ndunawx u spiċċaw kollha għoqda fl-art b’ħoss kbir fuq bejt ta’ residenza.

Ma riedx jgħidilna din ir-residenza f’liema lokalità kienet. Sid id-dar, naturalment, tela’ jiġri fuq il-bejt jara x’kien dak il-ħoss. Kien irrabjat u għalxejn Santa pprova jfiehmu min hu, għax il-Malti qallu li hu ma jemminx f’Santa Klaws u li dawn ħmerijiet tat-tfal żgħar. Mhux hekk biss, anzi ma damx ma ġablu lill-Pulizija biex jinterrogawh ukoll. Dawk malajr ġew u magħhom ġabu wkoll kelb daqsiex biex ixammem jekk fost ir-rigali kellux xi droga.

Naturalment hekk hu xogħlhom, imsieken, għax anki matul il-lejl tal-Milied, dawk ikunu bogħod minn familthom biex jaqdu dmirhom. Għalxejn miskin Santa beda’ jipprova jfiehemhom min hu u kemm kien fadallu pajjiżi xi jdur qabel jilħaq jisbaħ, għax huma wkoll ma kinux jemmnu f’Santa Klaws u t-tfittxija għamluha xorta. Ħeqq xogħlhom hux. Droga naturalment  ma sabulux għax ma kellux, imma l-akbar diffikultà kien il-kelb li aktar kien mitluf jinbaħ lir-renni milli ħaġa oħra. Probabbli bl-inbiħ qajjem lill-ġirien ukoll.

Imma insomma, wara xi siegħa ħallewh ikompli triqtu. Skużaw ruħhom u kontra dak li kienu jaħsbu qabel, minn dak il-ħin bdew jemmnu f’Santa Klaws huma wkoll. Għalkemm kien mgħaġġel u xi ftit ippanikjat, xorta qabel telaq ta xi rigali lill-Pulizija u lir-raġel tal-bejt għal uliedhom. Anki lill-kelb tal-Pulizija tah rigal żgħir… tah xi mustardini għax kien inħanaq jinbaħ.

Ma kienx lejl faċli, imma b’xi mod irnexxielu jdur kull fejn kellu ppjanat. Imma dis-sena kellu jagħmilha b’veloċità aktar minn tas-soltu biex ilaħħaq. Imnalla f’dak l-għoli ma sabx speed cameras… għax kien jerġa’ jħabbat wiċċu ma’ xi Pulizija u ma’ xi kelb jinbaħ!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN