Joe Julian Filgħodu
Kurżitajiet

Fejn Ħalla l-Karkura x-Xitan

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Malta u Għawdex gżejjer żgħar. Minn fuq ajruplan tarahom minn tarf sa ieħor qisek qiegħed tara mappa fuq karta kbira. L-itwal vjaġġ li nistgħu nagħmlu fuq l-art huwa bejn iċ-Ċirkewwa u Dellimara li aktar minn siegħa ma joħodlokx, minkejja li trid tgħaddi minn bliet, irħula u traffiku normali.

Imma fiċ-ċokon tagħna, xorta nirreferu għal postijiet ’il bogħod. Niftakar lil min jgħid li jekk se jagħmel biċċa xogħol kbira “qisu se jmur il-Mellieħa”, għax kienet l-itwal triq minn fejn konna noqgħodu. Probabbli l-Melliħin kienu jgħidu l-istess dwar l-inħawi l-oħrajn ta’ Malta.

U anki jekk ma nqisux it-tul ta’ gżiritna, imqar madwar il-Port il-Kbir; in-nies tal-inħawi ta’ Tas-Sliema kienu jirreferu għall-Kottonera bħala “tan-naħa l-oħra”, jiġifieri n-naħa l-oħra tal-Belt, qishom qegħdin jitkellmu dwar xi ħafna ħafna bogħod. Għax fiċ-ċokon tagħna, fejn dawn il-gżejjer huma d-dinja fejn għexu missirijietna, l-aktar postijiet imbiegħda kienu għalihom bogħod ħafna. Irridu niftakru wkoll li fl-imgħoddi t-trasport kien differenti minn ta’ llum u mhux kulħadd irnexxielu matul ħajtu jdur Malta kollha. Kont issib min saħansitra f’ħajtu qatt ma mar il-Belt, jew qatt ma mar Għawdex… saħansitra min qatt ma ħareġ mir-raħal!

Il-frażi “fejn ħalla l-karkura x-xitan” turi fi lsienna l-esaġerazzjoni ħelwa dwar xi post imbiegħed ħafna… post li tant hu ’l bogħod li anki x-xitan donnu tqattgħetlu l-karkura meta mar hemm u kellu jħalliha fil-post. Il-fatt li f’dil-frażi jintuża x-xitan, donnu biex juri wkoll li hu post fejn mhux kulħadd messu jmur ’l hemm… fejn qisu hemm it-theżżiż tas-snien… għax hemm ix-xitan.

Kien hawn min jirreferi għall-Aħrax tal-Mellieħa jew għal Xrobb l-Għaġin jew għaż-Żebbuġ t’Għawdex bħala “fejn ħalla l-karkura x-xitan”. Inkella anki fil-Belt Valletta biss, l-inħawi ta’ Strada Fontana, fejn fl-imgħoddi kien magħruf għall-prostituzzjoni, il-Beltin kienu jirreferu għalih hekk ukoll… biex iwasslu l-messaġġ li qisu tant hu post imbiegħed li ħadd m’għandu jittanta jersaq ’l hemm.

Insomma l-karkura tax-xitan ħadd qatt ma raha. Min jaf x’size jilbes?

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN