Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Fejn se niltaqgħu llejla?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Fi żmien meta mhux kulħadd kellu karozza, għal ħafna nies l-aktar ħarġa faċli kienet mawra sal-Belt. Biex tidħol il-Belt karozza tal-linja waħda minn kullimkien u allura jekk se jiltaqgħu żewġ persuni jew aktar li ġejjin minn lokalitajiet differenti, jekk jiltaqgħu l-Belt tajjeb għal kulħadd.

Sew jekk se tiltaqa’ ma’ xi ħbieb, jew jekk għandek xi date, kienet in-norma li tiltaqa’ l-Belt. Fi żmien il-maġġoranza tal-karozzi tal-linja kienu jidħlu Putirjal bil-bqija jidħlu fuq Kastilja, imma maż-żmien kollha bdew jieqfu Putirjal… li kien sar jismu Bieb il-Belt.

U jekk żewġ persuni jiftiehmu li jiltaqgħu Putirjal, iridu jiftiehmu fejn eżatt, għax il-Pjazza fejn hemm il-funtana tat-Tritoni kbira u faċli ma tiltaqax. Allura kulħadd kien jiftiehem kif irid. Min kien jiftiehem ħdejn il-Valletta Sign, jew ħdejn l-ewwel gabbana, jew ħdejn tal-ħalib, jew ħdejn tal-imqaret, jew ħdejn tal-cassettes jew ftit ‘il ġewwa ħdejn il-mara l-ħoxna.

Kien hemm min jiftiehem ħdejn il-Valletta Sign. Minħabba li fi żmien minn Putirjal il-karozzi setgħu jibqgħu deħlin fi Strada Rjali (Triq ir-Repubblika) kien għad hemm sinjal blu mwaħħal ma’ żewġ kanen tal-ħadid bil-kitba VALLETTA fuqu. Huwa sinjal bħalma nsibu kull fejn jibdew il-konfini ta’ lokalità biex is-sewieqa jkunu jafu li waslu f’dak il-post. U l-Valletta Sign ra ħafna nies jiltaqgħu taħtu.

F’Putirjal kien hemm ħafna gabbani imma jekk tiftiehem ħdejn l-ewwel waħda jirnexxilek tiltaqa’ żgur. Imma kien hemm żewġ gabbani oħrajn popolari ma’ dawk li kienu jidħlu jiltaqgħu il-Belt. Waħda minnhom kienet tbiegħ il-ħalib. Kemm kont inħobb immur hemm nixtri tazza ħalib bil-lewż morr; u għalkemm f’isimha hemm il-kelma “Morr”, kienet tkun ħelwa manna. U kont inħobbha wisq.

Ħelwa wkoll kienet tkun ir-riħa madwar il-gabbana tal-imqaret. U kienet tiġik tajba dik ir-riħa ħelwa… speċjalment jekk tkun se tiltaqa’ ma’ xi waħda ħelwa.

Aktar tard fiż-żmien kienet fetħet gabbana tal-cassettes f’tarf il-bankina u dik saret popolari wkoll ma’ dawk li jkunu se jiltaqgħu hemm.

Imma għal min ma kienx irid juri li se jiltaqa’ ma’ xi ħadd, kien hemm post kif tidħol ftit wara Bieb il-Belt. Hemmhekk kien hemm uffiċċju tat-tagħrif għat-turisti u fil-bieb kien hemm replika tax-xbieha neolitika ta’ mara qawwija bla ras li kienet instabet f’Ħaġar Qim. U allura kien faċli wkoll tiftiehem biex tiltaqa’ “ħdejn il-mara l-ħoxna.”

Min jaf kemm koppji bdew ħajjithom flimkien f’dawn il-postijiet…

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN