Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Fejn Sejjer?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Kull post għandu l-isem tiegħu biex jingħaraf minn post ieħor. U isem ma jiġix mix-xejn. Ikun marbut jew mal-istorja, xi leġġenda jew xi bniedem magħruf mill-inħawi.

Għandna ħafna ismijiet ta’ postijiet ġejjin mill-Għarbi u dan juri f’liema żmien ingħata l-isem li baqa’ jeżisti sa llum. Għandna wkoll postijiet li għandhom aktar minn isem wieħed, speċjalment dawk mogħtijin mill-Kavallieri; l-Imdina hija wkoll Citta Notabile, Bormla Cospicua, il-Birgu Vittoriosa u l-Isla Senglea jew Citta Invicta. Ħal Qormi huwa Casal Fornaro jew Citta Pinto, Ħaż-Żebbuġ Citta Rohan, Raħal Ġdid Casal Paola u l-Furjana Borgo Vilhena. Imbagħad għandna tliet postijiet imsemmijin għall-Gran Mastru Hompesch. Ħaż-Żabbar magħruf ukoll għal kunjomu Citta Hompesch, is-Siġġiewi għal ismu Citta Ferdinand u ż-Żejtun għal kunjom ommu Citta Beland.

Minbarra l-isem jew ismijiet tal-lokalità, nsibu wkoll ismijiet ta’ nħawi partikolari fl-istess belt jew raħal. U hawn ma nsibux biss ismijiet formali mogħtijin mill-Kavallieri jew minn min kien jaħkem lil Malta. Huwa speċi ta’ laqam li tawhom in-nies biex jagħrfu naħa minn oħra tal-post. U ċerti ismijiet iqanqlu tbissima… u anki kurżità.

Per eżempju qatt sibtu xi deheb lejn Bir id-Deheb? Fil-kas għiduli ħa mmur infittex. Inkella qatt rajtu silġ f’Tas-Silġ fuq ir-riħ ta’ Marsaxlokk? U bilħaqq jekk tkun miexi lejn Bir Miftuħ oqgħod attent li ma taqax fil-bir.

Taħt in-Naxxar hemm it-telgħa t’Alla u Ommu. Naħseb ħadd minn dawn it-tnejn ma kienu joqgħodu hemm, imma hekk imsemmi. Min-naħa l-oħra, max-xatt bejn il-Marsa u Kordin huwa magħruf bħala Ras Ħanżir. Immaġina kieku xi darba jkun żviluppat u jinbnew xi appartamenti lussużi… “Where is your new penthouse, dear?”. “In Pig’s Head, darling!”

U hawnhekk niftakar meta għall-ewwel darba bdew jingħataw l-ismijiet lil kull stejġ tal-linja. L-ismijiet ma setax ikollhom aktar minn kelma waħda u allura hemm stejġ fit-telgħa t’Alla u Ommu li kellhom isemmuh… Ommu. Imnalla ma tgħaddix tal-linja minn Ras Ħanżir. Immaġina stejġ jismu Ras jew agħar minn hekk jekk ikun jismu Ħanżir. Jistaqsik ix-xufier, “Fejn tridni nwasslek?” u twieġbu “Ħanżir”… ma nafx x’jista’ jwieġbek lura.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN