Radju Kafé
Kurżitajiet

Figolli… bil-ġelu jew biċ-ċikkulata?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

La ninsabu fi żmien l-Għid, ninsabu fi żmien il-figolli. Għax kull festa għandha l-ikel relatat magħha, u speċjalment il-ħelu relatat magħha. Aktar u aktar fi żmien li jiġi wara r-Randan meta fl-imgħoddi ma kienu jieklu ebda ħelu, il-ħelu tal-Għid ikun mistenni aktar minn kollox.

Mhux faċli tfiehem lill-barranin kif tkun il-figolla, imma l-aktar verżjoni li tiftiehem hija li l-figolla ssir qisha sandwich ta’ biċċtejn għaġina ħelwa b’taħlita ta’ lewż mitħun jew intrita bejniethom moħmija f’xi forma partikolari. Il-figolla tinħema f’forma tal-ħadid biex ikollha sura ta’ ħuta jew fenek jew kwalunkwe forma oħra.

U l-forma tagħmel differenza… speċjalment fit-tfal. Niftakar meta kont tifel kont indum biex nagħżel liema figolla jixtruli, mhux minħabba xi differenza fit-togħma, imma minħabba d-differenza fil-forma. Qabel niftakar figolli f’forma ta’ prinċipessa jew ta’ prinċep. Kienu jkunu forma ta’ persuna bla ras, imbagħad iwaħħlu mal-ġelu stampa ta’ karti ta’ ras ta’ prinċep jew prinċipessa. Niftakar il-figolli f’forma ta’ prinċep jew prinċipessa kienu jkunu ikbar minn dawk ta’ ħuta jew kitarra, allura probabbli għalhekk kont nagħżel waħda minnhom.

It-tiżjin tal-wiċċ kien isir jew fuq il-ġelu jew fuq iċ-ċikkulata. Imma anki taċ-ċikkulata imbagħad kienu jiżżejnu b’xi linji tal-ġelu kkulurit. Ngħid id-dritt, minħabba li ċ-ċikkulata skura, il-ġelu isfar u roża fuqha kien jidher isbaħ. U fuq il-ġelu jew ċikkulata kien ikun hemm boċċi żgħar kulur il-fidda jew deheb. Dawn kienu jdejquni għax ikunu iebsin għal snieni.

Insomma kollox ma’ kollox il-figolla hija xi ħaġa tal-ikel fejn fenek, tiġieġa jew ħuta, kollha jkollhom l-istess togħma. U tajba kemm hi tajba, jekk xi ħadd jgħidlek “qisek figolla”, malajr tieħu għalik.

Għall-festa tal-Irxoxt, meta mhux kulħadd seta’ jkollu figolla, kien hemm żmien meta kien idur xi raġel bil-figolli fuq tilar u n-nies jittantaw xortihom forsi jakkwistaw waħda. Kienu jħallsu xi ħaġa żgħira, qishom xtraw biljett f’lotterija, idawru ċippitatu u jekk jiġi n-numru tagħhom, kienu jirbħu l-figolla. U kien hemm taqbila ħelwa relatata:

I am dawwart figolla
He is kilhieli kollha
I am dawwart is-sej
tela’ l-ottu u ma ħadt xejn.

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN