Bonġu Kafé
Kurżitajiet

Fil-Ħlewwa ta’ Mejju

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

Meta konna tfal, fl-iskola jew fil-knisja konna nkantaw diversi innijiet reliġjużi. Jew kienu jgħallmuna xi innu l-iskola inkella konna nitgħallmuh fil-knisja waqt li jkantawh il-kbar li jkunu jafuh minn snin qabilna. Fost il-ħafna innijiet, nammetti li hemm wieħed partikolari li dejjem għoġobni aktar mill-oħrajn kollha. U ngħid id-dritt, għadu jogħġobni sa llum, speċjalment meta nisimgħu kantat mill-ilħna tat-tfal: Fil-Ħlewwa ta’ Mejju.

Huwa ġmiel ta’ innu ddedikat lil Ommna Marija fix-xahar iddedikat lilha; “Oh kemm idoqq ħlejju dak ismek sabiħ”… għax l-isbaħ kliem dejjem dwar Marija tista’ tiktbu.

Huwa ġmiel ta’ innu kemm fil-kliem ta’ Dun Karm Psaila kif ukoll fil-mużika ta’ Ġużeppi Caruana. Flimkien dawn iż-żewġ personaġġi ma kitbux biss dan l-innu. Kitbu ħafna u ħafna innijiet reliġjużi, fosthom dawk ta’ filgħodu u ta’ filgħaxija; “Reġa’ sebaħ ja Mulejja” u “Riesaq il-lejl Mulejja”.

Dwar Dun Karm smajna ħafna, bla dubju għax kiteb l-innu ta’ pajjiżna, imma dwar Caruana inqas. Twieled il-Belt fil-Parroċċa ta’ San Duminku, u infatti kiteb l-innu Kalaroga, imma mhux ma’ Dun Karm. Missieru inkwieta meta nduna li wieħed minn uliedu aktar moħħu fil-mużika milli f’xi karriera li tista’ tipprovdilu għajxien. Imma d-destin hekk kellu jkun. Fil-bidu kien sar Maestro di Cappella fil-knejjes ta’ San Ġakbu u ta’ San Duminku. Wara sar ukoll tal-parroċċi ta Ħaż-Żebbuġ, Ħal Lija, il-Mosta, il-Marsa, il-Mellieħa u n-Nadur.

Meta kien sar il-Kungress Ewkaristiku f’Malta fl-1913, Caruana u Psaila kitbu innu għal waqt it-tqarbin “Nadurawk ja Ħobż tas-Sema” li mhux biss ingħoġob mid-dinjitarji barranin li kien hawn Malta għall-Kungress, iżda ħaduh magħhom, qalbuh b’ħafna lingwi u intuża fil-knejjes ta’ ħafna pajjiżi.

“Fil-Ħlewwa ta’ Mejju”, bħall-innijiet ta’ filgħodu u ta’ filgħaxija twieldu bl-intervent tal-Ministru tal-Edukazzjoni Mons. Ferris li xtaq innijiet reliġjużi għat-tfal tal-iskejjel.

Ta’ min jinnota li Dun Karm kien iħobb jikteb dwar il-ħlewwa, fosthom Lil Din l-Art Ħelwa u Fil-Ħlewwa ta’ Mejju… probabbli kien jaf kemm il-Maltin ibatu biz-zokkor!

Aktar Episodji

Blog

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN